
Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien
Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxina lejn ix-xirka tal-henjin fis-sema, biex aħna, il-merħla ċkejkna tiegħek, naslu fejn daħal qabilna r-Ragħaj qawwi tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Fir-rakkont tal-lum niltaqgħu ma’ Ġesù jgħallem (u jikkritika lill-Fariżej) permezz ta’ diversi parabboli żgħar magħqudin flimkien, u kif ukoll permezz ta’ tixbihat allegoriċi (mashal bil-Lhudi). Dan id-diskors jambjenta ruħu eżatt wara l-attakk ta’ Ġesù fuq il-mexxejja għomja ta’ żmienu, jiġifieri fuq il-Fariżej.
L-istampa tan-nagħaġ, u l-figura tar-ragħaj li jieħu ħsiebhom, żgur li mhix stampa ġdida la għalina u lanqas għal dawk li kienu qed jisimgħu lil Ġesù. Ir-rakkont tal-lum nistgħu naqsmuh fi 3 partijiet:
1. Ġesù jiddistingwi bejn ir-ragħaj veru u dak brigant;
2. Ġesù jagħti l-karatteristiċi ta’ kif ikun ir-ragħaj veru;
3. Ġesù jispjega t-tixbiha tal-bieb lid-dixxipli li ma fehmux.
Fl-ewwel parti nsibu lil Ġesù li jqabbel ir-ragħaj veru ma’ dak li ġie biex jisraq. Kif jintgħaraf dan? Kif nindunaw min hu l-veru? Kif nagħrfuh lill-ħalliel? Ġesù jagħtina risposta sempliċi ħafna: skont minn fejn qed jgħaddi biex jidħol fil-maqjel, jekk jidħolx mill-bieb jew jekk jaqbiżx min naħa oħra. Lejn dan irridu nħarsu: jekk ir-ragħaj tagħna hux qed jagħżel il-bieb jew jekk hux qed jevita l-bieb.
Fit-tieni parti nsibu lil Ġesù jagħtina tant dettalji sbieħ fuq ir-ragħaj veru:
- jafna b’isimna u jsejħilna waħda waħda;
- il-leħen tiegħu huwa familjari tant illi n-nagħaġ jagħrfu leħnu;
- ma jħallix in-nagħaġ ġol-maqjel, imma joħroġhom barra waqt li jimxi quddiemhom.
Fit-tielet u l-aħħar parti nsibu lil Ġesù nnifsu jispjega l-parabbola lid-dixxipli wara li dawn ma fehmuhx. Ġesù jidentifika lilu nnifsu mal-bieb. Permezz tiegħu nsibu fejn nirgħu. Permezz tiegħu jkollna l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.
Talba
Mulej, jiena waħda min-nagħaġ tiegħek.
Għinni nagħraf ragħaj minn ieħor. Għinni ninduna min hu dak li jidħol mill-bieb u min hu dak li jevita l-bieb. Aħfirli meta mxejt wara rgħajja oħra. Aħfirli meta għażilt lilhom flok lilek.
Għinni nkun midħla ta’ leħnek ħalli meta tgħajjatli b’ismi nagħraf leħnek u nimxi warajk ... għax għandek biss hemm il-milja tal-ferħ ... għandek biss hemm is-salvazzjoni. Ammen.



