Itlob Permezz tas-Salmi

Imma isem il-Mulej sejjaħt

 

L-Għasar, il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju 2026

Salm 114 (116A)

Radd ta’ ħajr
Bi tbatijiet kbar jeħtiġilna nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. (Atti 14:22) 

Inħobb il-Mulej, *
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen *
fil-jum li fih sejjaħtlu. 

Il-ħbula tal-mewt dawruni, †
l-irbit tal-Imwiet ħakimni; *
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt: *
“Mulej, nitolbok, salvani!” 

Ħanin il-Mulej, u ġust; *
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej; *
jien kont magħkus, u hu ħelisni. 

Erġa’, ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek, *
għax il-Mulej għamillek il-ġid.
Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti, *
lil għajnejja mid-dmugħ u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej *
f’art il-ħajjin. 

Glorja.

Ant. 1: Il-Mulej ħallni mill-irbit tal-imwiet, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ħares il-poplu tiegħu bħal ħabba tal-għajn, hallelujah.