Jiena Marija, tfajla minn Nażaret fil-Galilija.
L-anġlu tal-Mulej ġie għandi… u ħawwadni.
Qalli li “mimlija bil-grazzja” jien … u li “l-Mulej miegħi.” Kont wisq maħsuda biex nifhem il-kliem… kelli elf mistoqsija… imma l-ebda minnhom ma flaħt inlissen meta qatgħani bl-ikbar aħbar.
“Se tnissel fil-ġuf u jkollok iben… u ssemmieh Ġesù…”
Dejjem xtaqt ikolli iben … jista’ jkollok grazzja ikbar minn dik? li tqaddes id-dar bl-ulied li jsejħulek Ma’? … Imma jien għadni xebba… Iva, mwiegħda lil Ġużeppi … raġel twajjeb… Imma għadu ż-żmien biex ikun missier uliedi.
Imma xi ħaġa fi kliem l-anġlu nstemgħet urġenti… Tatni x’nifhem li ma kienx qed jgħid biss li se nkun omm… xi darba… fi ftit snin…
“Miniex nifhem”… xtaqt ngħidlu…. Imma minflok lissint l-ewwel dubju li ġieni f’moħħi… “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”
Il-kliem li lissen l-anġlu wara baqa’ jidwi f’widnejja… Moħħi ma fehemx, imma qalbi ntliet bil-ferħ.
Il-Messija… dak imwiegħed… is-Sultan… Bin Alla… Qaddis…
U tassew ħassejt l-Ispirtu nieżel fuqi… jikkonsagrani… bħal tempju tal-Mulej… bħal profeti taż-żminijiet… bħal David innifsu li lilu ingħata t-tron ta’ missirijietna.
Kont mitlufa… imma l-anġlu smajtu jgħidli li anke Eliżabetta kienet tqila. Kif jista’ jkun dan?? Mara tant kbira fl-età??
Għalhekk tlaqt… Mort infittixha… Mort għandha… nipprova nifhem x’kien se jsir minni. Forsi hi kellha r-risposta li qalbi mħawda kienet tixtieq.
U meta sibtha, tassew b’tarbija f’ġufha, erġajt ħassejt l-istess ferħ … u hi kkonfermat.
U jien fl-aħħar fhimt.
Iva, jiena ukoll kont tqila u ma kelliex għalxiex nibża.’
Għax anke jekk jien dgħajfa… u ma jien xejn… il-Mulej kien tassew miegħi u Hu tassew kbir…
Għalhekk leħni ogħla… għalhekk tennejt…
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”
Iva… jiena l-iċken fost il-qaddejja tiegħu. Imma hu ma jqisx bil-kejl tad-dinja.
Mhux il-poter, mhux il-flus, mhux is-saħħa politika jimpressjonawh. Lanqas l-għerf tad-dinja, ta’ dawk li jafu minn fejn għandhom jgħaddu biex tiġihom żewġ.
Li jagħżel… li jqaddes… li jagħmel tiegħu, hija r-ruħ sempliċi li ma tfittixx li hu tagħha… li ma hiex supperva… imma li tirċievi l-grazzja b’umiltà.
Jien min jien biex għażiltni fost in-nisa?
Jien min jien biex qaddistni biex inkun omm ibnek?
Jien min jien biex għollejtni fuq in-nisel ta’ Abraham?
Jien, Marija, tfajla… mill-belt ta’ Nażaret fil-Galilija.
Imma jien ukoll il-Magħżula mill-Mulej … minn ġuf ommi… u minn ġuf ommha… u omm ommha…
Fiċ-ċokon tagħna, lilna li d-dinja ma tafniex, il-Mulej għażel mill-bidu taż-żminijiet biex inwelled lill-Messija … li jġib il-ħelsien lill-imjassrin.
Permezz taż-żgħar, tad-dgħajfa, tal-imwarrbin, tal-minsijin… Hu tassew juri l-qawwa ta’ mħabbtu… li tirbaħ id-dinja.
Lili, li jiena ċkejkna, li lanqas raġel ma nagħraf, il-Mulej għamilni Omm il-ħajjin.
Lili l-qaddejja tal-Mulej, li d-dinja kienet tikkundannani kieku Ġużeppi ma ħennx għalija… lili, l-Mulej għamilni tassew hienja għal dejjem.
Għax bl-iva tiegħi, bid-dubji tiegħi, bil-biżgħa tiegħi… is-Setgħani tassew għamel ħwejjeġ kbar. “Qaddis” hu tassew l-isem ta’ dak li ħabbni… minn dejjem.