Sa mis-sena 2020, il-Knisja tiddedika t-Tielet Ħadd Matul is-Sena għall-Kelma ta’ Alla billi tpoġġiha fiċ-ċentru bħala tali, mhux sempliċiment għax siltiet mill-Bibbja jinqraw bħal f’kull quddiesa oħra, imma billi tiffoka fuq dan id-djalogu kostanti bejn Alla u l-Poplu tiegħu li jseħħ proprju permezz tal-Kelma mħabbra, milqugħa, mixtarra, u mgħixa. Hekk kif ninsabu fl-ewwel ġimgħat tal-Ġublew li għandu t-Tama bħala l-fus tiegħu, it-tema magħżula għal Ħadd il-Kelma ta’ Alla ta’ din is-sena hija frażi meħudha minn Salm 119, 74: “Jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.”

Salm 119 huwa l-itwal wieħed fost il-150 salm, u huwa maqsum fi 22 taqsima ta’ tmien versi-l waħda, li lkoll b’xi mod jew ieħor iduru madwar il-ħarsien tal-Kelma tal-Mulej u l-kenn li din toffri għal min iħarisha, il-faraġ li l-imnikket u l-imġarrab isib fiha, il-leħen li jikseb dak ta’ qalbu muġugħa jew imnikkta. Fil-katekeżi tiegħu dwar it-tama nhar it-22 ta’ Marzu 2017, il-Papa Franġisku fakkarna li:

Il-Kelma ta’ Alla, qabelxejn, twassalna biex nixħtu ħarsitna fuq Ġesù, biex insiru nafuh aħjar u nitwaħħdu miegħu, biex nixbhu dejjem iżjed lilu … il-Kelma turina li l-Mulej hu tabilħaqq “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ,” li jibqa’ dejjem fidil għal imħabbtu lejna, jiġifieri li hu perseveranti fl-imħabba magħna, ma jegħja qatt iħobbna! Hu perseveranti: iħobbna dejjem! U jieħu ħsieb tagħna, jiksi l-ġrieħi tagħna biż-żegħila tat-tjieba tiegħu u tal-ħniena tiegħu, jiġifieri jfarraġna. Lanqas jegħja qatt ifarraġna.

Franġisku, Udjenza Ġenerali, 22 ta’ Marzu 2017

Huwa għalhekk li Fil-Kelma miktuba ta’ Alla nagħrfu li nistgħu nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih u nintelqu għal kollox f’idejh, il-Kelma ta’ Alla magħmula laħam u t-Tama waħdanija tagħna. U dan il-Ħadd qed issirilna stedina biex nittamaw fil-Kelma u ngħixu fid-dawl ta’ dan it-tama.

Għal iktar tagħrif u għajnuna bi preparazzjoni għall-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla ta’ din is-sena, tista’ tagħfas hawn.