Malli l-abbati jdoqq il-qanpiena, għax is-saċerdot ikun xorob mill-kalċi, l-animatriċi tibda l-innu tat-tqarbin b’ħeġġa liema bħalha u, sakemm is-saċerdot jersaq lejn tarf il-presbiterju biex jibda jqarben, il-kju (jew, aħjar, il-purċissjoni) tat-tqarbin tkun diġà bdiet tifforma ruħha. Ovvjament, fil-frattemp, inkantaw bl-amment, b’xi żball ’l hemm u ’l hawn, imma l-innijiet nafuhom. U nibdew inkantaw:
Dan huwa l-Ħaruf Divin
veru Ħobż tal-Anġli;
hu jgħix magħna ta’ kuljum,
nadurawh flimkien.
Kemm għandu melodija ħelwa dan l-innu, hux. Imma xħin inkantaw l-ewwel strofa wara r-ritornell, għall-ewwel darba tolqotni kelma li min jaf kemm-il darba kantajtha b’mod pjetuż:
O xi kbir Miraklu
għamel dan Ġesù,
hawn fit-tabernaklu
jistkenn lejl u nhar.
Jistkenn? Alla u jeħtieġlu li jistkenn? X’kenn jistgħu joffrulu pjanċi tal-fidda imdawrin bl-irħam? U, ngħiduha kif inhi, fil-knisja la hawn xemx, la xita u lanqas riħ. Gwerer u tilwim forsi hawn, nammettuha, imma qajla jkunu bl-attakki mill-ajru.
Jekk xejn, aħna għandna bżonn nistkennu, aħna neħtieġu l-kenn li nsibu fih meta nirċevuh f’dan is-sagrament. U biex jagħmel hekk żgur li ma jistax jistkenn mid-dinja li fiha ngħixu imma, fina u magħna, joħroġ fiha u jaffaċjaha u jqaddisha permezz tagħna.
Lanqas meta kien fid-dinja ma fittex il-kenn—“Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Lq 9, 58). Imma forsi issa għażel li jsir iktar fraġli—ftit dqiq maħbuż—u allura, iva, għandu bżonnha ċerta sigurtà. Imma, fuq kollox, dak il-kenn ċkejken jassigurana li lejl u nhar qiegħed hemm. U qiegħed hemm mhux biex jistkenn minna imma biex jilqagħna f’daru, jismagħna, jixxuttalna dmugħna, ifarraġ lil qlubna, u jqawwina biex inkomplu l-vjaġġ tul is-sigħat kollha tal-jum u tul il-jiem kollha taż-żmien.