Il-konvoj daħal fil-Port imma l-assedju għadu għaddej. Did-darba mhux iżjed kontra l-Ottomani li riedu jeħilsu mit-tfixkil tal-Ordni ta’ San Ġwann fil-ġlieda għall-kontroll tal-Mediterran, jew kontra l-qawwiet tal-Assi li kellhom l-istess skop. Lanqas kontra l-Franċiżi maqfulin wara swar li bnew missirijietna, li tant kienu tajbin li lanqas l-ulied ma setgħu jinfduhom.

Tgħid il-konvoj tal-valuri li tlabna lil Marija ġġibilna magħha beda jasal u jinħatt? Jew spiċċa bħal għad bla qies ta’ karrijiet b’merkanzija ta’ ikel miżmuma milli tasal għand il-popolazzjoni ta’ Gaża, imġewħa u maqtula bil-ġuħ?

Bil-ħarsa fuq il-Port il-Kbir, fejn seħħew tant ġrajjiet li mmarkaw l-istorja ta’ pajjiżna, insibni nistaqsi lili nnifsi: imma x’inhu l-għadu li qed jassedjana llum? Minn liema assedju nixtiequ li Marija teħlisna u toħroġna rebbiħin? L-għanijiet u l-għedewwa tal-assedji passati li semmejt nafu x’kienu u min kienu. Imma min hu l-għadu llum?

Aħna mingħajr pika ma nkunux Maltin, u allura ma jistax ikun li neżistu mingħajr għadu li jżommna ħajjin għax iżommna mbaqbqin u niġġieldu kontrih, sew jekk fil-politika, sew jekk fil-festi, sew jekk futbol u regatta, sew jekk mar-raħal ġar jew mal-ġirien tal-istess triq u tal-istess blokka ta’ appartamenti. U l-mentalità insulari tagħna faċli twaqqagħna f’modi ta’ ħsieb fejn naraw theddid u għedewwa kullimkien.

Għandna bżonn assedju, jew aħjar, fi kwalunkwe ċirkustanza, inħossuna mdawrin. Jekk xejn assedjati mill-baħar, il-melħ, u r-riħ li jherru ’l blatna u jiddepożitaw l-frak tiegħu xi mkien ieħor, filwaqt li minn inħawi oħra jasal sediment li jistrieħ fuq xtutna u jħalli l-effett tiegħu … nitherrew u ninbnew, taqtigħa kontinwa, li żżarmana u tibnina b’modi li forsi ma nixtiquhomx jew li jisirqulna l-identità tagħna u jibnu oħra ġdida li tagħmilna fotokopja tal-bqija tal-ġnus. Imma aħna Maltin!

Allura x’inhu l-assedju li qed jhedded l-identità tagħna? Tgħid l-assedju fuq il-fidi u r-reliġjon? Jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, ikollna nammettu li l-ikbar theddida għall-fidi tagħna ġejja minna stess li nsejna fiex tassew nemmnu u min tassew aħna, u allura faċli ninġarru mal-bqija tal-kurrenti tal-Punent jew nibżgħu mill-mewġiet tal-Lvant u mir-riħ isfel tal-Afrika …

Jew forsi l-ħbit mill-ajru fuq id-dinjità ta’ kull bniedem, irrispettivament min-nisel, ġeneru, saħħa fiżika, qagħda soċjali, jew twemmin tiegħu? Din żgur għadha reali bħalma kienet fil-kampijiet ta’ konċentrament. U fil-media qed naraw isseħħ issa replika preċiża ta’ dan. Imma ’l ġewwa minn xtutna, l-għadu mhux bilfors ġej minn barra. Xi minn daqqiet inkunu aħna li nwettqu dan fuq ħutna f’artna stess …

Kemm hi ironika, hux, li, minn kolonja, ħaddanna mentalità kolonjali li tisfrutta mill-kumdità ta’ darna stess. Ieqaf aħseb fuq minn fejn ġej l-ikel li tiekol, il-ħwejjeġ li tilbes, u s-servizzi kollha li bihom tinqeda meta ma jkollokx aptit tiċċaqlaq minn fuq is-sufan u tfittex li ssib kollox lest, u malajr tifhem. Tgħid Marija se jkollha tħares lil dawk li qed ibatu minħabba fina u li aħna ta’ theddida għalihom?!

L-ikbar assedji jiġu missielta fuq is-swar tal-qlub u l-ħsieb tagħna li minn banda għandhom bżonn jiġu sfidati mill-Kelma ta’ Alla, u minn banda oħra qed jiġu attakkati minn modi ta’ ħsieb li qed jheddu l-integrità, it-tjubija, u l-ġenwinità tagħna. Ir-riklami jibbumbardjawna bi prodotti suppost ġenwini, imma dawn ma jagħmluniex iktar ġenwini u iktar Maltin. Hemm swar ta’ supervja u nuqqas ta’ fiduċja li jeħtieġ inħalluhom jiġu minfuda, u hemm oħrajn li rridu nkunu lesti nieqfu fuqhom u niġġieldu sal-aħħar qatra demm, jekk hemm bżonn, basta ma nħallu ’l ħadd minna lkoll li ngħammru fuq dal-blat jiġi sfruttat, ikkalpestat, imsikket, immanipulat, jew ikkontrollat fl-istqarrija ta’ twemminu bħallikieku l-prattika ta’ twemmin tista’ tkun ta’ offiża għall-prattika ta’ twemmin ieħor, jew il-ħarsien tal-kultura tagħna jseħħ biss bl-eliminazzjoni  ta’ kull kultura oħra.

Dil-blata f’salib it-toroq żgur li rat ħafna assedji u ħbit mill-għadu, imma rat ukoll snin ta’ trankwillità fejn pagani, Insara, Lhud, u Musulmani għexu u ħadmu flimkien għall-progress tal-poplu kollu. U l-Madonna tagħna mhijiex tal-assedji imma tal-Vitorja. Jekk nirrikorru lejha, żgur tgħinna nirbħu l-jien tagħna u nħarsu fil-mera biex naraw tassew min aħna, tfakkarna f’min imsejħin inkunu, u tgħinna nħarsu lejn l-ieħor bħala ħuna f’umanità komuni qabel noħorġu fuq l-attakk mill-ewwel.