Fl-14 ta’ Settembru, il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. Imma x’hemm biex tifraħ fis-Salib? Żgur li ma tantx narawhom bħala okkażjoni ta’ ferħ jew gost is-slaleb tal-ħajja. Allura x’sens jagħmel il-ferħ ta’ din il-festa? Kif tista’ l-Knisja tifraħ bis-Salib u ssellimlu bħala l-unika tama tagħha—Ave Crux, spes unica?

Għalkemm qabel kienet festa separata—Santu Kruċ, fit-3 ta’ Mejju—illum il-Knisja tfakkar is-sejba tas-Salib. Jekk niskopru b’xi salib ta’ xi problema jew marda ġdida, imma Kristu għall-bluha tas-Salib sejħilna li, fl-għarfien tan-nuqqas ta’ ħila li nifhmu quddiem is-slaleb tal-ħajja, tagħtina l-grazzja tal-għerf tas-sema li ma jdawwalx it-triq kollha, imma jdawwal il-pass li jmiss sakemm, pass wara pass, naslu sal-aħħar, u, meta nħarsu lura, nindunaw bil-providenza tal-għaġeb ta’ Alla magħna.

Il-Knisja llum tfakkar ukoll il-Konsagrazzjoni tal-ewwel Bażilika tas-Santu Sepulkru f’Ġerusalemm, li tinkorpora fiha kemm il-qabar u l-Golgota, li seħħet nhar it-13 ta’ Settembru tas-sena 335. Konsagrazzjoni hija dejjem okkażjoni ta’ ferħ. Imma konsagrazzjoni tfisser ukoll firda u separazzjoni: nikkonsagraw altar jew post jew persuni biex dawn jiġu ddedikati b’mod sħiħ u esklussiv għas-servizz ta’ Alla. Fil-magħmudija, aħna lkoll ġejna kkonsagrati bħala tempji tal-Ispirtu s-Santu. Konsagrazzjoni li għażlitna minn persuni oħra u ġieli tiżolana wkoll, imma din il-konsagrazzjoni daħħlitna fil-familja ikbar tal-ulied tal-Missier f’ħuna l-kbir Ġesù. U din hija aħbar ta’ ferħ għax ifisser li m’aħniex u m’għandniex għalfejn nippruvaw inġorru slaleb waħedna. Bla ma nilħqu salib xulxin, fil-Knisja, bħal Xmun iċ-Ċirinew, aħna ngħinu ’l xulxin nerfgħu s-slaleb tal-ħajja, nieqfu taħt is-slaleb ta’ xulxin kif waqfet Marija taħt is-Salib ta’ Binha, u bħall-Veronika nimsħu bl-imkatar tal-ħlewwa u l-faraġ tagħna l-uċuħ ta’ ħutna mgħaffġin taħt is-slaleb tagħhom, anke jekk aħna stess qegħdin nitkaxkru bħar-Redentur … jekk mhux forsi għalhekk nistgħu nkunu iktar ta’ faraġ u sostenn, proprju għax aħna wkoll mgħaffġin u madankollu ma tlifniex it-tama.

U, fl-aħħar, il-Knisja tfakkar ir-rebħa tas-salib għax proprju fl-14 ta’ Settembru tas-sena 629, relikwa mdaqqsa tas-Salib ta’ Kristu ġiet esposta fl-għoli fil-Katidral ta’ Kostantinopli, il-Hagia Sophia, wara li l-Imperatur Biżantin Erakliju rnexxielu jiksibha lura mingħand il-Persjani li kienu ħatfuha u ħadu taħt idejhom il-belt ta’ Ġerusalemm ħmistax-il sena qabel. Quddiem is-slaleb ma nifirħux bħalma ma niħdux gost daqslikieku sifirna aħna meta jġibulna xi souvenir. U lanqas mhu souvenir sabiħ is-Salib, u wisq inqas ir-relikwi tiegħu. Però nifirħu bħalma napprezzaw li ħaddieħor ħaseb fina, b’mod speċjali jekk ftakar fina meta żar xi post qaddis u allura x’aktarx talab għalina. Nifirħu bħalma nifirħu b’xi ħaġa għażiża għalina u li reġgħet lura għandna wara li tlifnieha jew xi ħadd ħadhielna.

X’aktarx ma nibkux jekk niġu meħlusa minn xi salib tal-ħajja. Imma l-qaddisin kienu jitolbu proprju li jkollhom sehem mis-Salib ta’ Kristu għax fehmu li b’hekk biss setgħu jissieħbu fil-glorja miegħu. Fehmu dak li San Pawl kiteb lill-Kolossin: “Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1, 24). Għax mill-fidwa permezz tas-Salib, Kristu ħalla sehem ċkejken lil-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna biex tagħżel jekk tridx tkun parti u sħab fit-tama tad-dinja flok tibqa’ magħluqa fl-egoiżmu tagħha.

Bla dubju, dan kollu hu ferħ paradossali, jekk mhux ukoll kontradittorju bil-loġika tad-dinja. Imma, kif jikteb San Pawl lill-Korintin: “il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1, 25). U jkompli jisfidahom Pawlu—u lilna magħhom—biex jaraw fejn huma fil-konfront ta’ din il-verità (ara 1 Kor 1, 26a). Hekk ukoll din il-festa tikkonfrontana dwar fejn ninsabu quddiem is-Salib.

U issa li taf għalfejn f’dil-festa għandna nifirħu, x’se tagħżel? Se tkompli tħalli s-slaleb joqtlulek il-ferħ u t-tama għax tibqa’ tirrifjuta li, anke f’dak li ma tifhimx, tħalli l-idejn miftuħa u misluba tas-Salvatur jixħtu fuqek id-dell ta’ mħabbet Alla għalik? Jew se tipprova tħalli l-ferħ u t-tama jiftħulek idejk beraħ biex tħalli s-Salib iħaddnek miegħu u tħalli jiġi jżurek u jbusek bil-ħlewwa tiegħu dak li hu l-Isbaħ fost ulied il-bnedmin (ara Għanja 1, 2; Salm 45, 3)? Tinsiex u ftakar: lanqas għalih innifsu m’għażel triq faċli imma stabat sal-ifnad qiegħ biex jerfgħek għall-għoli tiegħu.