L-ewwel ħmistax ta’ Settembru huma liturġikament affaxxinanti! Filli fit-8 tax-xahar il-ħsieb tagħna jaħrab lejn il-Milied permezz taċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tal-Madonna li huwa antiċipazzjoni u pass importanti li ressaq il-ġrajja tad-dinja eqreb lejn l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla għall-fidwa tagħna; u filli fl-14 u l-15 il-jum ta’ Settembru nerġgħu mmorru lura għall-Ġimgħa Mqaddsa u nitilgħu l-Kalvarju fejn il-misteru tal-fidwa seħħ fil-milja tiegħu bil-ħelsien tagħna mill-jasar tad-dnub. Filli niftakru fir-rebħa tal-fidi fuq it-theddid kontriha, kontra l-libertà vera, u kontra l-umanità meta, bħala nazzjon, infakkru Jum il-Vitotja, hekk intimament marbut mad-data tat-8 ta’ Settembru minħabba fl-interċessjoni ta’ din l-Omm kollha ħlewwa fil-ġrajja ta’ pajjiżna; u filli din l-istess Omm, mimlija niket, tieqaf taħt is-Salib ta’ Binha u tagħżel li tibqa’ hemm u tibqa’ tittama minkejja li Ġesù kien jidher fallut u għal kollox mirbuħ—paradossali wkoll l-isem tal-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, it-tkabbir tal-ikbar għajb.
Imma forsi l-iktar ħaġa li tolqotni hija l-impossibbiltà fil-loġika purament umana u xjentifika ta’ dak li jseħħ f’dawn il-festi: minn banda, fit-twelid ta’ Marija, nistgħu nimmaġinaw lill-Iben ta’ Alla Binha jbennen lil Ommu stess permezz ta’ idejn Sant’Anna (ħaġa li ebda bniedem ieħor ma jista’ jagħmel); mill-banda l-oħra, iktar fid-devozzjoni popolari, taħt is-Salib naraw l-Omm bħal donnha tbennen lil Binha, mhux iżjed bħala tarbija imma bħala adult, u tħalli lilha nnifisha tiġi kkonfrontata mir-realtà kruda ta’ Alla li jidħol fil-mewt.
Naħseb li huwa l-uniku każ fejn tassew xi ħadd—li ma kien ħadd ħlief Alla nnifsu—seta’ jgħallem lil Ommu tbennen, mhux sempliċiment bħala tarbija imma wkoll bħala Feddej mejjet, Ħellies maqbud fil-mewt għalina … sakemm jasal il-qawmien, ovvjament, imma dan xejn ma jneħħi mill-kobor ta’ dawn il-mumenti hekk intimi. Xejn ma jneħħi mis-slaleb li anke aħna, bejn it-twelid u l-mewt tagħna, ikollna nġorru.
Però hemm konsolazzjoni f’dan kollu għax f’dawn il-ħmistax nagħrfu li għandna Omm li trid tħaddanna magħha u timxi magħna fit-toroq imsallba tagħna mhux sempliċiment bħal donnha impjegata ta’ familja sinjura biex tieħu ħsieb it-tfal, imma bħala dik li ġejna fdati fi ħdanha u li tgħallmet tbennen u tfarraġ minn dak Alla li għalina l-bnedmin tnissel fi ħdana, twieled, tfisqa, ġie mredda’, u trabba sabiex jilħaq il-milja tal-umanità tiegħu bħala l-werriet tat-tron ta’ David missieru u, fih, bih, u miegħu, l-umanità tagħna tilħaq il-milja tagħha taħt il-ħarsien ta’ Omm li mhux biss weldet lil Alla fostna imma wkoll waqfet taħt Salibu u għadha tieqaf taħt is-slaleb tagħna.