L-eqdem evidenza li għandna turi li sa nofs it-tieni seklu ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid darba fis-sena kienet daħlet fil-knejjes kollha, minkejja modi differenti ta’ kif jikkalkulaw id-data ta’ meta għandu jiġi ċċelebrat. F’dan l-istadju bikri jidher li l-iktar prassi mifruxa kienet li l-Insara jsumu “sawma kbira” f’jum il-Passjoni u l-mewt tal-Mulej. Imma mhux kullimkien u kulħadd kien josserva din id-drawwa bl-istess mod. Fl-Istorja tal-Knisja (5.24.12-13, PG 20:502A-3A), Ewsebju ta’ Ċesarija jikkwota ittra ta’ San Irinew, Isqof ta’ Lyon fi Franza matul it-tieni seklu, li fiha jgħid li n-nuqqas ta’ qbil ma kienx biss dwar id-data tal-Għid imma wkoll dwar is-sawma: kellek xi wħud li kienu jsumu ġurnata biss, oħrajn jumejn, oħrajn iktar, filwaqt li oħrajn kienu jsumu għal 40 siegħa, jiġifieri tul is-sigħat li l-ġisem ta’ Ġesù qatta’ fil-qabar. Din id-diverġenza nsibuha wkoll fil-kitbiet ta’ Tertuljanu u fit-Traditio Apostolica. Mir-raba’ seklu ’l quddiem, wara li l-Insara ngħataw il-libertà tal-kult fl-Imperu Ruman, il-Knisja bdiet tħares żmien ta’ penitenza bħala tħejjija għat-tlett ijiem imqaddsa tal-Għid, immarkat mhux biss mis-sawm imma wkoll minn prattiċi oħra Nsara bħat-talb u s-sahriet, tgħakkis ieħor tal-ġisem, u l-karità.
Kien ukoll f’dan iż-żmien li nsibu l-ewwel referenza indiretta għal perjodu ta’ 40 jum ta’ tħejjija għall-Għid, imsejjaħ bil-Grieg “tessarakoste,” li litteralment tfisser “l-erbgħin ġurnata” (the 40th day), bħalma għandna “pentekoste,” il-ħamsin ġurnata (the 50th day) u li ma kinitx tintuża għall-ġurnata numru ħamsin imma għall-perjodu kollu tal-ħamsin ġurnata. Għaldaqstant, bl-istess mod nistgħu nassumu li anke “tessarakoste” kienet tintuża għall-perjodu kollu. Din l-ewwel referenza nsibuha fil-ħames kanoni tal-Konċilju ta’ Niċea, iċċelebrat sbatax-il seklu ilu fis-sena 325, li jistipula li s-sinodi biex jiġu diskussi affarijiet marbutin mal-ħajja prattika tal-Knisja għandhom jissejħu qabel ir-Randan sabiex, meta jibdew il-perjodu ta’ erbgħin jum, ikunu solvew l-affarijiet inqas importanti ħalli jkunu jistgħu jiffukaw fuq l-offerta tagħhom lil Alla.
Fil-Punent, l-ewwel użu tal-kelma “Quadragesima” bħala perjodu mmarkat mis-sawm insibuh fl-Ittra ta’ San Ġrolmu lil Marċella miktuba madwar is-sena 384 (Epist. 24.4, PL22:428). Anke l-omeliji għar-Randan tal-Papa Ljun il-Kbir għandhom għan axxetiku u morali, b’enfasi fuq is-sawm u l-prattika tal-virtù.
Meta t-Tridu tal-Għid ħa forma distinta, billi l-Ħadd qatt ma seta’ jkun jum ta’ sawm għax anke fi Żmien ir-Randan xorta waħda jibqa’ ċelebrazzjoni tal-qawmien tal-Mulej mill-mewt, biex ikun hemm total ta’ 40 jum ta’ sawm, l-Ewwel Ħadd tar-Randan beda jiġi antiċipata mill-Erbgħa ta’ qabel (magħruf bħala Caput Quadragesimae, Ras ir-Randan).