Ħamsin! Għax il-Knisja ma tibdiex tipprepara għall-Milied u l-Ġimgħa l-Kbira li jmiss mill-għada tal-Għid, imma tagħmel ħamsin jum tiċċelebra u tkompli tinżel iktar fil-fond tal-misteru tas-salvazzjoni tagħna u tifraħ bil-ħajja ġdida li ksibna fi Kristu permezz tal-qawmien tiegħu mill-mewt.
Imma qabel il-ħamsin jiġu t-tmienja: l-ottava. Tmint ijiem, minn Ħadd il-Għid sat-Tieni Ħadd, għax tant hija kbira u importanti għalina l-Insara ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid li, għal tmint ijiem sħaħ, il-Knisja tgħix b’mod qawwi kull ġurnata minnhom daqslikieku hija Ħadd il-Għid. Tul l-ottava nisimgħu titħabbar lilna kuljum xi waħda mill-ġrajjiet li nsibu fl-Evanġelji marbutin mal-qawmien ta’ Ġesù, u fl-istess ħin tibda ddaħħalna fl-ispirtu ta’ kif l-ewwel Insara bdew jgħixu u jiċċelebraw dan il-qawmien wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin.
L-ottava tal-Għid, mhux għax qegħdin ottu, imma għax verament qegħdin kif Alla jridna: magħqudin mill-ġdid miegħu permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu!




