Fi vjaġġ li suppost kellu jibda minn Ċesarija Marittima, il-bażi militari Rumana fil-Palestina, u jintemm Ruma, iċ-ċentru tal-poter Ruman tad-dinja, Alla biddel il-pjanijiet tal-bnedmin kollha, biddel il-mewġ u l-ħalel f’qaddejja tal-pjanijiet tiegħu biex San Pawl u sħabu l-ewwel jgħaddu Malta.
Il-Lhud kienu mdorrijin jaqsmu d-dinja f’Lhud u pagani, Ġentili. Ir-Rumani kienu jaqsmuha f’Rumani u sudditi. Imma Malta fi żmien San Pawl la kienet Lhudija, la kienet pagana in ġenerali, u lanqas Rumana bħala reliġjon. Malta kien hawn il-kult tal-fertilità. F’Marsaxlokk, f’Kerċem, Għawdex … xorta baqgħu jinbnew tempji lill-allat tal-fertilità fi żmien meta Malta kienet kolonja Rumana. Il-Maltin dak iż-żmien kienu magħġunin mal-ħamrija li kienet titmagħhom, mal-bhejjem tagħhom u kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-fertilità.
Kienu jifhmu li l-allat tal-fertilità li kienu jqimu huma rrabjati għalihom meta l-fertilità kienet tinbidel f’mard, f’nixfa, u f’mewt. Fin-nawfraġju l-baħar ried jibla’ l-art—kien tassew miksur mal-Maltin u mal-bnedmin l-oħra. L-art ukoll: il-prinċep tal-gżira kellu lil missieru marid, sinjal li l-allat tal-fertilità ma kinux ħbieb tal-abitanti!
Ir-rakkont tan-nawfraġju fih xi ħaġa kurjuża mmens. Filwaqt li fl-Atti tal-Appostli San Pawl hemm provi ċara ta’ dak li qal San Pawl innifsu f’1 Korintin 9, 16— “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju! Jien obbligat li nagħmel hekk”—il-miġja u l-qagħda ta’ San Pawl f’Malta hija kompletament nieqsa minn kull ħjiel ta’ xi predikazzjoni bil-kliem ta’ San Pawl f’Malta. Waqt li l-Atti huma mimlija episodji ta’ San Pawl li ma jitlifx okkażjoni waħda biex ixandar l-Evanġelju, l-ebda kelma ma ġie rrappurtat li qal f’Malta.
Ifisser li ma ppritkax? Ifisser li San Luqa ried jurina kif San Pawl ipprietka mod ieħor … evanġelizzazzjoni b’libsa ġdida!
Ipprietka bil-fejqan ta’ missier Publju u tal-morda tal-gżira; ipprietka l-Evanġelju tal-fejqan. Dak kienu jifhmuh sewwa l-Maltin għax kienu nies li huma mxappin fil-fertilità. Il-fejqan kien ukoll mod kif turi li l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni ma tmissx biss lir-ruħ imma lill-persuna sħiħa, lill-bniedem sħiħ. Il-fejqan f’Malta kien ifisser li l-Aħbar it-Tajba trid tagħmel lill-bniedem—lil kull bniedem: Lhudi, pagan, Barbaru—sħiħ mill-ġdid. Jekk il-metodi ta’ evanġelizzazzjoni mhumiex metodi li jifhmu u jmissu tassew il-ħajja tal-bnedmin, allura ma jwasslux l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni!