Madre Tereża hija qaddisa maħbuba li ġiet ikkanonizzata minn Papa Franġisku fl-4 ta’ Settembru 2016. Hija qaddisa li għamlet ħafna ġid fil-ħajja tagħha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, partikolarment permezz tal-Missjunarji tal-Karità, kongregazzjoni li hija stess waqfet fis-7 ta’ Ottubru 1950. Madre Tereża, li fit-twelida kienet ingħatat l-isem ta’ Agnes Gonxha Bojaxhiu, irċeviet is-sejħa li tiftaħ din il-kongregazzjoni meta kienet diġà qiegħda tgħix l-ewwel sejħa tagħha bħala soru ta’ Loretu.
Madre Tereża kienet mara sempliċi b’fidi kbira. Hi kienet tgħid li kienet sempliċiment lapes żgħir f’idejn Alla. Lapes żgħir li kien kemmxejn imkisser, imma li Alla kien qed juża biex jikteb ittra ta’ mħabba lid-dinja, kienet isostni. Permezz tal-fidi sħiħa li kellha f’Alla, hija għamlet għeġubijiet kbar—għeġubijiet, li bil-qawwa tagħha nnifisha biss żgur ma kinux ikunu possibbli. Hija kienet tafda bla qies li Alla kien qed jieħu ħsieb li jipprovdi Hu stess għas-sejħa li Hu stess kien għamlilha. Il-providenza divina kienet dejjem viċin tagħha, hekk kif kienet tfittex li taqta’ l-għatx li Ġesù Kristu għandu fuq is-Salib. Madanakollu din l-esperjenza ma kinitx mingħajr diffikultajiet u saram. Bħal qaddisin oħra Madre Tereża wkoll kellha t-tagħbija tagħha x’terfa’.
Madre Tereża għexet madwar ħamsin sena fi prova iebsa ta’ dlam interjuri. Kien għal mument qasir wieħed biss li din it-tbatija ġiet merfugħha minnha matul dawn is-snin twal. Aktar ma bdiet twieġeb għas-sejħa tal-Imsallab, u aktar ma bdiet titwaħħad miegħu, aktar bdiet tesperjenza t-tbatija li Kristu stess esperjenza fuq is-Salib. L-Imsallab bħal qisu beda jitkellem fiha nnifisha. Il-kliem mill- Evanġelju ta’ San Mark 15, 34 u San Mattew 27, 46, “Alla tiegħi, Alla tiegħi għalfejn tlaqtni?”, kienu kontinwament jiddu fil-fond nett ta’ qalbha u fil-ħsibijiet ta’ moħħha. Fil-ktieb Come Be My Light—li hu kummentarju u ġabra noti spiritwali u ittri privati li kitbet lil persuni qrib tagħha li kienu qed jimxu magħha fil-vjaġġ interjuri (ħafna minnhom qassisin)—użat diversi kliem ta’ tbatija biex tesprimi dak li kienet għaddejja minnu. Hija kienet ixxebbah din it-tbatija spiritwali mat-torturi tal-infern. Kienu jiġuha ħsibijiet iebsa bħal li “Alla ma kienx Alla” jew li “Alla mhux vera kien jeżisti”. Il-post spiritwali li sabet l-interjorità tagħha fih, kien post fejn hi ma setgħetx titlob, fejn ħassitha bla fidi, mingħajr imħabba u lanqas tama. Kienet tħossha abbandunata minn Alla u, għalkemm xtaqitu jgħammar fiha bil-qawwa kollha tagħha, kienet tħoss li kien mifrud minnha. Madre Tereża kienet tħoss vojt kbir meta kienet tipprova taħseb fil-ġenna.
Hija kienet mgħannqa mal-Imsallab u, għalkemm kienet għaddejja minn din id-dalma profonda, hija kienet xorta waħda tintelaq f’idejh b’mod assolut. Tajjeb li ngħidu li, meta kellha tnejn u tletin sena, hija kienet għamlet wegħda solenni privata li ma tirrifjuta xejn minn dak li Alla jista’ jitlob minnha. Din hija wegħda simili ħafna għall-wegħda li għamlet il-qaddisa patruna tagħha Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Bla dubju ta’ xejn din il-wegħda ppreparatha biex tkun dejjem f’riġlejn il-Kurċifiss mingħajr ebda riservi fis-snin li ġew wara. Hija dejjem xtaqet tkun strument fidil f’idejn Alla u Ommu Marija. Ta’ spiss kienet tgħid li tixtieq li Alla jużaha mingħajr ma jikkonsultaha. Kienet lesta tagħtih ukoll lura dak li jixtieq jieħu mingħandha b’ħafna ħelsien f’qalbha. Hija kienet tara lilha nnifisha ċkejkna quddiem il-kobor ta’ Alla.
Fid-dalma tas-Salib li hija stess kienet fiha, hija setgħet tiġi wiċċ imb wiċċ mal-għatx profond li Kristu għandu li jsalva l-erwieħ. Hija famuża ħafna għall-frażi li kienet tgħid: “jekk xi darba nsir qaddisa, inkun qaddisa tad-dlamijiet. Inkun kontwinament barra mill-ġenna biex nixgħel id-dawl ta’ dawk li jgħixu fid-dlam fid-dinja.” Barra li kienet tesperjenza l-għatx li Kristu kellu għall-erwieħ, kienet tara wkoll l-għatx li l-persuni ta’ madwarha kellhom għal Alla nnifsu. Dan ifisser li kienet tara lil Kristu msallab fil-persuni ta’ madwarha. It-tbatija li kienet tara l-ifqar fost il-fqar għaddejjin minnha, kienet tfakkarha fis-sitwazzjoni tagħha stess. Kienet tant tħobb l-erwieħ li hija kienet anke lesta toffri lilha nnifisha u t-tbatija tad-dlam spiritwali tagħha għall-ġid tas-salvazzjoni tagħhom, għall-eternità. Xtaqet b’ħafna mħabba u ferħ tikkonsla l-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li kienet tant bil-għatx għal dawn l-erwieħ għeżież.