Xi snin ilu, waqt quddiesa f’waħda mill-parroċċi ddedikati lil Santa Marija, il-paniġerista, b’vuċi soda u ċara, uża espressjoni sempliċi imma li baqgħet tidwi ġo moħħi: “Marija, ġibilna konvoj ta’ valuri!” Konvoj ta’ valuri!

Ma niftakarx eżatt x’kien semma, imma ma tkunx idea ħażina jekk nieqfu ftit u naraw minn xiex aħna neqsin, x’inhu l-ġuħ tagħha, għal xiex għandna l-għatx, x’neħtieġu biex il-magna tibqa’ għaddejja b’mod tajjeb … fi kliem ieħor, x’jeħtieġ ikollu dal-konvoj dis-sena biex nibqgħu nissieltu mal-ħajja.

Il-konvoj imsejjaħ ta’ Santa Marija—Operation Pedestal—f’Awwissu tal-1942 kien mimli b’ħafna provisti li, sfortunatament, mhux kollha waslu, imma dak li wasal kien biżżejjed biex il-Maltin setgħu jibqgħu jirreżistu u ma jċedux. Nistgħu ngħidu li l-konvoj ġab miegħu l-ħajja mill-ġdid bil-merkanzija varjata tiegħu, hekk kif missirijietna kienu qegħdin ilaqqtu l-borma sal-aħħar qatra għax prattikament il-meħtieġ kollu għall-ħajja kien spiċċa.

Illum, proprju f’dan iż-żmien, dan il-valur sagrosant tal-ħajja jinsab mhedded minn ħafna bnadi: ewtanasja, abort, morning after pill, forom ta’ kontraċezzjoni li jeqirdu l-ħajja flok jevitaw li sseħħ; tniġġis tal-arja u t-tħassir tal-ambjent naturali; nuqqas ta’ rispett lejn min hu għal kollox dipendenti fuq ħaddieħor, sew fil-bidu u sew fit-tmiem; abbuż minn sustanzi li forsi jhennuna u jnessuna għal ftit imma wara nsibuna iktar mejtin milli ħajjin; atti suppost ta’ mħabba u li jwasslu għall-ħajja, imma li huma maqtugħin minn dan il-kuntest u allura huma biss pjaċir vulgari, tbaxxija tad-dinjità tagħna u ta’ ħaddieħor.

Mhedda wkoll hija t-tama tagħna għax tlifna ż-żejt li jagħti l-enerġija lill-ħajja tagħna, dak li jkebbes il-musbieħ tal-eżistenza tagħna b’tifsira, b’raġuni għaliex ngħixu u nibqgħu nitħabtu mal-ħajja. Ibbumbardjati minn kullimkien b’kampanji ta’ indottrinazzjoni flok ta’ edukazzjoni jew konsultazzjoni, donnhom it-twerdin tal-ajruplani li ma tkunx taf jekk humiex tal-għadu jew tad-difiża. U s-soluzzjoni hija li nsibu kenn fix-xeltrijiet, fid-dlamijiet tal-makabru u l-vjolenti, tal-pornografiku, mill-moħba ċkejkna ta’ darna stess fejn mingħalina protetti imma kull pass tagħna huwa mkejjel, u aħna nkejlu ta’ ħaddieħor b’sigħat bla tmiem ta’ stalking fuq il-media soċjali, profil wara l-ieħor, aħbar wara oħra, ċuċata wara oħra.

Kemm għandna bżonn valuri, hux, biex insalvaw minn dan kollu! Imma Marija llum ukoll se ġġibilna konvoj mimli valuri li għandna bżonn: il-valur tal-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha; il-valur tal-libertà vera li qatt ma tista’ tiġġustifika l-qerda tiegħi nnifsi jew ta’ ħaddieħor; il-valur tal-individwu u tal-kollettiv flimkien f’bilanċ mingħajr ma wieħed jiġi ssagrifikat għall-ieħor; il-valur ta’ kull bniedem, anke ta’ dawk li donnhom jgħixu fid-dellijiet, jew għalina ma qishomx iktar minn dellijiet, bnedmin li ma jeżistux; il-virtù tas-safa li jagħmilhielna possibbli li nħarsu lejn is-sbuħija ta’ ħaddieħor bħala persuna u mhux bħala oġġett; il-virtù tal-imħabba mferra’ f’ruħna minn Alla, li għalhekk ma tiddependix fuq l-antipatiji u s-simpatiji tiegħi, imma qiegħda hemm lesta biex tħaddan lil kulħadd.

Neħtieġu ż-żejt tal-fidi u t-tama f’Ġesù Kristu Binha sabiex il-powerstation li tħaddem lis-soċjetà tagħna terġa’ tissejjes fuq l-imħabba li lesta tagħti kollox bla ma żżomm xejn għaliha, u lanqas taħtaf b’egoiżmu. Neħtieġu ż-żejt għall-musbieħ tal-fidi li jdawwal il-kurituri mudlama ta’ moħħna u qalbna sabiex ikeċċi d-dlamijiet, jagħtina sies sod fuq xiex nistgħu nserrħu, u joħroġna mill-għerien mudlama għad-dawl tal-għaġeb tal-Mulej.

Dan hu li Marija tirrifletti fuqna f’din il-festa għax fiha nilmħu dik il-perfezzjoni tal-umanità, tal-Knisja, u anke tas-soċjetà tal-bnedmin, li għaliha ġejna maħluqa u li stajna nerġgħu nittamaw fiha proprju għax Alla stess sar konvoj ta’ salvazzjoni li xejjen il-mewt u fetaħ mill-ġdid il-bibien tal-ħajja ta’ dejjem … reġa’ tagħna valur li tlifna bid-dnub, u mill-ġdid raddilna t-tama li tisboq saħansitra l-qiegħ ta’ sqaq il-mewt.