Kif tgħaddi mill-bieb ewlieni tal-belt tal-Imdina, jekk tħares lura tilmaħ skolpiti fis-swar godlin tliet figuri: dik tal-Appostlu Missierna San Pawl, ta’ San Publju u ta’ Sant’Agata, il-qaddisin patruni li ta’ Malta li missirijietna b’fidi u għaqal poġġew lilhom infushom u lil artna taħt il-protezzjoni tagħhom. Tliet qaddisin li ċċelebrajna jew se niċċelebraw it-tifkiriet u l-festi tagħhom f’dawn il-jiem: San Publju fit-22 ta’ Jannar, Sant’Agata fil-5 ta’ Frar, u San Pawl fil-konverżjoni tiegħu nhar il-25 ta’ Jannar u fit-tifkira tan-nawfraġju providenzjali tiegħu fuq xtutna nhar l-10 ta’ Frar.
Tliet qaddisin li bħalna għexu jew rifsu fuq blat gżiritna. Pawlu sab ruħu hawn mingħajr mistenni, u Publju, bħala l-prinċep tal-gżira, laqgħu għandu—lilu u lil sħabu li għal ftit ma rawx l-għarqa. Anke Agata għal xi żmien sabet kenn fi gżiritna wara li ħarbet minn Sqallija minħabba l-persekuzzjoni. Imma, bħal Pawlu li kompla l-vjaġġ lejn Ruma, lanqas Agata ma weħlet hawn imma marret lura Sqallija u ma ħarbitx milli toffri s-sagrifiċċju aħħari tal-ħajja żagħżugħa tagħha, basta tħares is-safa ta’ ġisimha u l-imħabba ta’ qalbha tbaqbaq għalik.
Tliet qaddisin li bi tradizzjonijiet qawwija ħarsu lil dil-blata tissara mal-mewġ u ħelsuha minn dak li kien qiegħed jheddidha. Għandna rakkonti li juru kif bl-intervent dirett ta’ San Pawl u Sant’Agata, b’dehra jew f’ħolma, il-poplu ħelisha minn taħt xifer is-sejf tal-Mori fl-1429 u, bi żbrixx fl-1551 wara assedju twil fuq l-Imdina mill-Ottomani.
Tliet qaddisin li, għalkemm forsi m’għandiex daqstant infittxuhom jew nitolbu lil Alla grazzji speċjali permezz tal-interċessjoni tagħhom, żgur li għad għandhom kelma qawwija x’jgħidulna anke llum. L-azzjonijiet tagħhom, il-perseveranza tagħhom sal-aħħar, u l-kliem jew is-skiet tagħhom għadhom jidwu sal-lum minkejja s-sekli sħaħ li għaddew. U, jekk tlifna l-fiduċja fil-mirakli, żgur li l-għażliet konkreti u konvinti ta’ dat-tliet qassisin jistgħu llum ukoll jeħilsuna mid-dlamijiet ta’ dak kollu li ijassarna u jnawrilna l-fidi u l-identità tagħna. Għax l-identità ma tiġix minn logos jew bnadar imma mir-rabta tal-persuni flimkien, minn sens ta’ appartenenza, mit-tħabrik għall-ġid komuni; mill-ħlewwa u l-għaqda li bihom inħossuna f’darna ma’ xulxin; id-dawl ħlejju tal-fidi li dawwal l-iljieli mudlama u l-ġranet imċajpra tal-mixja tagħna bħala ġens matul is-snin; il-ġebel, is-sagħtar, is-salmura u l-blat li fihom din il-fidi fik ġiet miżrugħa, kibret bla ma nixfu għeruqha, u tat il-frott … u tista’ tibqa’ tagħti l-frott kemm-il darba ma nkunux aħna stess li narmu dan kollu biex mill-ġdid inħaddnu l-idoli tal-allat foloz … allat li, jekk fi żmien Publju u Pawlu kellhom ismijiet u mitoloġiji, illum għandhom il-forma tal-flus, tal-kumdità żejda li tħassar, tax-xalar u t-tpaxxija bla rażan, u tal-egoiżmu. Jalla ma nsibux ruħna naqdu lilna nfusna u nistennew li kollox idur magħna u mad-dinja ċkejkna tagħna flok nagħrfu li huwa inti x-Xemx vera tal-ġustizzja li jeħtieġ induru lejk biex niksbu d-dawl, u jkollna wkoll il-qawwa nduru ma’ dawk li fuqhom jistrieħ id-dell ħanin tiegħek.




