Il-ktieb ta’ Baruk huwa attribwit lil “Bàruk bin Nerija, bin Magħxija, bin Sedekija, bin Għasadija, bin Ħilkija, f’Babilonja, fil-ħames sena, is-sebgħa tax-xahar, minn meta l-Kaldin ħadu Ġerusalemm u tawha n-nar” (Bar 1, 1–2). Baruk kien kumpann u skriba ta’ Ġeremija, għalkemm dan il-ktieb inkiteb ħafna wara. L-ewwel parti tal-ktieb ta’ Baruk (1, 1–3, 8) huwa miktub bħala proża, waqt li t-tieni biċċa (3, 9–5, 9) hija maqsuma f’żewġ poeżiji. Ħafna studjużi jaqsmu dan il-ktieb f’erba’ sezzjonijiet:
- Introduzzjoni Narrattiva (1, 1–14)
- Talba konfessjonali/pentenzjali (1, 15–3, 8)
- Poeżija tal-għerf (3, 9–4, 4)
- Poeżija ta’ konsolazzjoni (4, 5–5, 9)
L-introduzzjoni narrattiva (1, 1–14) tippreżenta l-kontenut tal-ktieb bħala ktieb (skroll) li nqara minn Baruk lis-sultan u kif ukoll lin-nies fl-eżilju (1, 3), u li ntbagħat Ġerusalemm, flimkien ma’ donazzjonijiet għat-Tempju, biex jinqara b’leħen għoli mill-qassis il-kbir lin-nies miġbura hemmhekk (1, 7). Il-kuntest huwa l-eżilju Babiloniż, fejn Baruk huwa ppreżentat bħala mexxej tal-eżiljati. Kemm Ġeremija u kif ukoll Baruk kienu determinati li jibqgħu fl-art ta’ Ġuda wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm, iżda huma nħatfu u ġew meħuda l-Eġittu wara l-qtil ta’ Gedalija mir-reżistenza Lhudija.
It-talba penitenzjali/konfessjonali li tifforma t-tieni parti tal-ktieb ta’ Baruk tiffoka fuq id-disubbidjenza tal-poplu li wassal għall-eżilju.
Il-poeżija tal-għerf hija simili ħafna għall-kitbiet oħrajn li jiffukaw fuq l-għerf. F’din is-sezzjoni, l-awtur ukoll jiffoka fuq ir-raġuni għalfejn il-poplu spiċċa fl-eżilju, imma din id-darba r-raġuni speċifika hi għaliex “Int twarrabt mill-għajn tal-għerf” (3, 12). Il-sors ta’ din il-poeżija huwa Ġob 28. Iżda, filwaqt li Ġob jikkonkludi li l-għerf huwa inaċċessibli ħlief għal Alla, Baruk jikkonkludi li Alla ta l-għerf lill-poplu ta’ Iżrael fil-forma tat-Torah.
L-aħħar parti ta’ dan il-ktieb li hi l-poeżija tal-konsolazzjoni, li minnha hu meħud l-ewwel qari tat-Tieni Ħadd tal-Avvent ta’ din is-sena (Ċ), illi tibda billi tindirizza l-problema tal-eżilju u r-restawr ta’ Ġerusalemm. Ġerusalemm hija preżentata bħala omm. Fl-ewwel biċċa ta’ din it-talba ta’ konsolazzjoni hija preżentata bħala omm li qed tkellem (4, 9–29) lil uliedha fl-Eżilju. Fit-tieni biċċa, hija Ġerusalemm li qed tiġi indirizzata u kkonfrontata minn vuċi profetika anonima( 4, 30–5, 9). L-ewwel qari tat-Tieni Ħadd tal-Avvent hu meħud proprju minn din il-parti (5, 1–9).