Ġesù, Ġesù
Ġesù, Ġesù, għalija Int
Id-dawl, it-triq, il-ħajja, il-ġieħ
Mingħajrek jien ma jiena xejn
U Miegħek jien sultan rebbieħ.
O! Kemm nixtieq, Ġesù ħanin,
Li nħobbok jien bla qies kull ħin!
Int tħobb, Ġesù, b’nirien hekk kbar
Li ssib l-għaxqiet fost il-bnedmin,
L-għaxqiet ħelwin li jżommuk fl-art,
Bħal fost l-ulied missier ħanin.
O! Kemm nixtieq, Ġesù ħanin,
Li nħobbok jien bla qies kull ħin!
“Ejjew ilkoll, o għajjenin”
Tistieden Int lil dawn l-ulied.
“Jien għandi s-serħ li nqassmu b’xejn,
Li bih l-imrar isir ħlewwiet”.
O! Kemm nixtieq, Ġesù ħanin,
Li nħobbok jien bla qies kull ħin!
U tmantni wkoll lil dawn l-għeżież
Bil-ġisem stess u d-demm divin
Biex jgħixu Bik u żgur tarahom
Fis-sebħ etern bla qies henjin.
O! Kemm nixtieq, Ġesù ħanin,
Li nħobbok jien bla qies kull ħin!
Kif nista’ qatt, għalhekk, Ġesù,
Kemm tistħoqq int, nagħtik tifħir?
Li kelli wkoll tal-anġli l-qlub,
Bla qies ikun għajjien u fqir.
O! Kemm nixtieq, Ġesù ħanin,
Li nħobbok jien bla qies kull ħin!
Żminijiet:
Tindaqq f’ħinijiet partikolari: Tqarbin