Bħalma rajna fl-artiklu tal-ġimgħa li għaddiet, matul dawn il-ġimgħatejn ser nirriflettu fuq x’jgħallimna l-Papa Franġisku fuq il-Liturġija. Is-sena li għaddiet nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Frar, il-Papa Franġisku indirizza t-tema tat-talb u l-Liturġija waqt l-udjenza ġenerali fil-Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku. Nemmen li din r-riflessjoni għandha ħafna dwar xiex tiftħilna għajnejna fuq il-Liturġija.
Il-Papa jibda billi jsemmi t-tentazzjoni li niltaqgħu magħha matul l-istorja tal-Knisja biex il-fidi tiġi pprattikata fil-privat u b’hekk ma nagħrfux li bħala komunità flimkien niċċelebraw dak li nemmnu fih. Biss Papa Franġisku jgħidilna li t-talb tagħna qatt ma jista’ jkun sempliċiment weħidna imma jrid jinvolvi l-komunità li fiha aħna nitolbu kemm bl-ispirtu kif ukoll bil-ġisem. Infatti, meta wieħed joqgħod jirrifletti ftit fil-Liturġija hemm ħafna ġesti u simboli li jinvolvu kemm il-ġisem tagħna, bħal noqgħodu bilqegħda u bil-wieqfa u nidilku biż-żejt il-ġisem tal-marid, u kif ukoll qatt ma hija talba ta’ persuna waħidha imma dejjem f’isem il-komunità.
Aktar minn hekk, Papa Franġisku jgħallimna li l-liturġija mhijiex biss talb spontanja, imma hija l-att li fuqu hi mibnija l-esperjenza tagħna ta’ Nsara. Permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fit-talba tal-Liturġija, Kristu jsir għalina preżenti fis-simboli imma b’mod partikulari fil-preżenza reali tiegħu fis-sagrament tal-Ewkaristija. Infatti l-Papa jgħid: “Kristjaneżmu mingħajr liturġija, nissogra ngħid li forsi hu Kristjaneżmu mingħajr Kristu. Mingħajr Kristu sħiħ.”
F’dan id-dawl kemm huwa importanti li l-Liturġija tnissel fil-ħajja tagħna spirtu ta’ talb għaliex permezz tal-għaqda tagħna ma’ Kristu fil-Liturġija aħna nagħrfu ngħixu din il-preżenza tiegħu f’ħajjitna. Huwa għalhekk illi l-Liturġija, iżid jgħidilna l-Papa, mhix xi ħaġa li sempliċiment “nisimgħuha”, għax hekk inkunu sempliċiment spettaturi.
Il-quddiesa dejjem hi ċċelebrata, u mhux biss mis-saċerdot li jippresediha, imma mill-Insara kollha li jgħixuha. U ċ-ċentru huwa Kristu! Ilkoll kemm aħna, fid-diversità tad-doni u tal-ministeri, ilkoll ningħaqdu mal-azzjoni tiegħu, għax huwa hu, Kristu, il-Protagonista tal-liturġija… Kristu hu preżenti u fil-liturġija inti titlob ma’ Kristu li jinsab ħdejk.
Huwa għalhekk li forsi tajjeb nirriflettu ftit: fil-Liturġija jien qiegħed nitlob “fi Kristu, ma’ Kristu u bi Kristu”, jew inkella għalija saret xi ħaġa ta’ rutina?