Oħroġ u Itlob

Lura d-dar “b’ta’ San Franġisk”

Aħna u nkomplu l-pellegrinaġġ tat-tama lura wara s-Sena Mqaddsa, jaf nikkunsidraw diversi mezzi ta’ trasport. Imma, f’dis-sena speċjali ddedikata lill-fqajjar ta’ Assisi, ta’ min immorru “b’ta’ San Franġisk!”

Żgur li smajtha din l-espressjoni Maltija. Forsi staqsejt lil xi ħadd kif sejjer xi mkien jew lura d-dar, u wieġbek: “Mhux b’ta’ San Franġisk!” Naħseb li, anke jekk qatt ma smajtha, issa fhimt xi tfisser żgur għax fi żmienu karozzi ma kienx hemm u nafu li minn post għal ieħor kien imur bil-mixi. Bit-Taljan insibu espressjoni simili: “andare col cavallo di San Francesco”—biż-żiemel ta’ San Franġisk.

B’mod speċjali aħna l-Maltin, kieku nistgħu, immorru fejn immorru, irridu naslu bil-karozza sal-bieb u nsibu post tal-parkeġġ mhux wisq metri ’l bogħod. U, fl-istess nifs ingergru għax ma ssib tipparkja mkien u hawn wisq traffiku.

Qabel ma nsib ruħi f’xi polemika jew kontroversja, agħtini ċans nispjegalek. Hekk kif għadna bit-togħma ħelwa tal-“frott ta’ grazzja tal-Ġublew Ordinarju tas-sena 2025 li għadu kif intemm, li fih konna lkoll imħeġġa nsiru pellegrini ta’ din it-tama li ma tqarraqx (ara Rum 5, 5),” kif insibu fid-Digriet tal-Penitenzerija Appostolika (16 ta’ Jannar 2026), żgur li nkunu nistgħu nixtarru aħjar l-esperjenza meta mmorru bil-pass.

Meta tmur bil-mixi tista’ tieqaf u tħares aħjar. Tista’ tieqaf tara sew xi ħaġa li, meta tgħaddi b’vettura, ikun ta’ periklu li tħares sew! Tieqaf, tħares, u tkompli tpassi waqt li taħseb u tgħarbel. Tista’ ‘tieqaf’ fuq esperjenzi li għaddejt minnhom, u, bħal Marija, tgħożż f’qalbek dak li ġarrabt, il-persuni li ltqajt magħhom, l-uċuħ li lejhom ħarist u ħarsu lejk, u taħseb fuqhom bejnek u bejn ruħek (ara Lq 2, 19).

Lura d-dar “b’ta’ San Franġisk” … il-mixja t-tajba!