Alla Pellegrin

F’din il-mixja lejn is-Sema pajjiżna, il-bniedem-pellegrin mhuwiex waħdu, anzi, jekk niftħu l-Bibbja nintebħu li l-ewwel pellegrin li jimxi mal-bniedem huwa Alla nnifsu.

Fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, insibu li, wara li ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu u poġġieh fl-Għeden, Alla ta’ spiss kien jinżel jippassiġġa miegħu: Alla u l-bniedem jimxu flimkien. Iżda ġara li l-bniedem ġie mqarraq u, flok għażel li jkompli jimxi ma’ Alla, għażel li jimxi għal rasu, ’il bogħod minn Alla. Dan kollu seħħ minħabba dak li nsejħulu d-dnub oriġinali: il-bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla, jagħżel li jkun alla tiegħu nnifsu u jimxi għal rasu hekk li jitlef id-direzzjoni.

Imma, għax Alla hu mħabba, jinżel mill-ġdid fil-ġnien ifittex lill-bniedem: “U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej qalb is-siġar” (Ġen 3, 8). Il-bniedem jinħeba, iżda Alla jinżel ifittex lill-bniedem, u jibqa’ jimxi mal-bniedem. Alla qatt ma jabbanduna lill-bniedem, u dlonk lil Adam jagħmillu mistoqsija importanti: “Fejn int?” (Ġen 3, 9). Ovvjament, mhuwiex Alla li ma jafx fejn hu l-bniedem, iżda Alla jixtieq li l-bniedem stess jintebaħ f’liema stat jinsab. Jixtiequ jinduna li qabad rotta ħażina li tbiegħdu minn Alla.
Forsi din hija mistoqsija li spiss għandna nagħmlu fil-ħajja tagħna: Fejn jiena miexi? Naf fejn sejjer u x’qed infittex? Miexi fid-direzzjoni t-tajba? Huwa hawn li nistgħu nindunaw li tlifna d-direzzjoni t-tajba li għaliha ħalaqna Alla biex il-pellegrinaġġ tal-mixja tal-ħajja jwassalna għandu. Iva, Alla hu l-ewwel pellegrin li jfittex li jiltaqa’ mal-bniedem!

U Alla għadu pellegrin, għadu jimxi mal-bniedem! Dan isib il-qofol tiegħu fi Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj, li niżel mis-Sema u ġie fostna jfittex lin-nagħġa l-mitlufa biex, meta jsibha, jerfagħha fuq spallejh, u jpoġġiha lura fil-maqjel. Illum ukoll, Kristu jimxi fostna biex jiġborna f’merħla waħda li timxi wara r-Ragħaj. Ħajjitna hija mixja ta’ salvazzjoni, li turina xi tfisser tkun maħbub u xi tfisser tħobb. Din hija l-ħajja: l-Imħabba!

U din l-imħabba dehret fostna fi Kristu: “Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla, tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu” (Rum 5, 10). Aħna ġa mifdija b’demmu, u għalhekk il-mixja tagħna tilħaq il-qofol tagħha fit-tieni miġja tiegħu, meta huwa jiġbor lil kulħadd f’riġlejn il-Missier. Hemm fid-dar tas-Sema flimkien inkantaw l-innu tal-glorja lill-Missier, innu li diġà ntennu f’kull Ewkaristija li niċċelebraw: “Qaddis, Qaddis, Qaddis …”

Kitba ta’ Dun Gerard Buhagiar