Diffikultajiet fil-ħajja tat-talb

Wara li jiġu megħluba l-ostakli (jew l-iskużi) tal-bidu u ssib il-mod tiegħek kif titlob, ma jfissirx li issa kollox isir ward u żahar. Matul it-triq jinqalgħu diffikultajiet li se jkollok tħabbat wiċċek magħhom u tissaportihom jew tissuperahom (skont xi jkunu) sabiex tibqa’ miexi ’l quddiem. Uħud minn dawn id-diffikultajiet ġejjin min-natura umana tagħna stess. Oħrajn ġejjin mill-ispirtu ħażin li ma tantx jieħu gost jarana qed infittxu li nintrabtu ma’ Alla. Oħrajn huma ħaġa waħda mal-mixja tat-talb hekk li jkun Alla stess li jkun qiegħed jippruvana, mhux biex jara aħniex tajbin biżżejjed imma biex isaħħaħna u jgħinna nikbru.

Bla dubju, l-ewwel sfida hija biex insibu l-ħin u l-ħin it-tajjeb! Għalkemm Ġesù jħeġġiġna biex nitolbu l-ħin kollu, imma neħtieġu ħinijiet immarkati li fihom inkunu qed nitlobu u nitlobu biss. L-istess kif ma nistax ngħid li jien ħabib ma’ xi ħadd jekk tal-anqas imqar darba kultant ma niltaqgħux u ngħidu kelma (u nafu li meta jgħaddi ħafna żmien hemm ċans kbir li l-ħbiberija tibred u ma tibqax l-istess).

Għaldaqstant, bħala għajnuniet f’dan ir-rigward, ikun tajjeb li tagħżel ħin fiss matul il-ġurnata li tiddedikah għat-talb. F’perjodi meta dan ma jkunx possibbli, trid titgħallem tisraq il-ħinijiet li fihom issib ruħek waħdek—bħal meta m’għandekx ċans tiltaqa’ ma’ persuna li tħobb imma tal-anqas iċċemplilha jew tibagħtilha messaġġ. Tista’ anke tuża l-ħin li tqatta’ tivjaġġa minn post għal ieħor, sew jekk miexi u sew jekk fuq tal-linja jew qed issuq. Faċli ssib playlist reliġjuża jew mużika strumentali trankwilla li tgħinek ‘toħloq’ spazju ta’ talb meta ma jkunx daqstant awtomatiku. Jiena nħobb ngħid ir-rużarju waqt li nkun qed insuq. Tal-anqas, jekk xi ħadd iqabbiżhieli, ikun hemm xi Sliema f’ħalqi flok kliem ieħor!

L-iktar ħaġa importanti hawnhekk hija li t-talb ma jisparixxi qatt, imqar jekk ikunu biss ftit minuti qosra. Għax meta taqta’, meta għal xi raġuni ma żżommx l-impenn tat-talb fost il-ħafna impenji oħra, imbagħad issibha diffiċli ferm biex terġa’ tibda u jkollok prattikament terġa’ tibda mill-bidu. L-istess kif jiġri meta tkun titħarreġ f’xi sport jew idoqq strument tal-mużika: meta taqta’ jkollok terġa’ tibda mill-bidu.