Fit-talb tagħraf il-pass li jmiss

Fil-ħajja huma ħafna l-għażliet li jkollna nagħmlu kemm dwar il-preżent, kif ukoll dwar il-futur tagħnaImma, jekk ġenwinament nitolbu bis-serjetà t-talba li għallimna Ġesù, nafu wkoll li ta’ kull darba nitolbuh, “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art.” Din ma tfissirx biss li jalla fid-dinja jseħħ il-pjan ta’ Alla, imma ta’ kull darba qed tistqarr quddiem Alla li f’ħajtek tixtieq li sseħħ ir-rieda tiegħu. U allura dan ifisser li f’dawn l-għażliet kollha ta’ ħajtek xi mkien irid ukoll jidħol Alla u l-għarfien tal-ħolma tiegħu għalik. Jiġifieri anke hawnhekk jidħol it-talb.

F’punti differenti tal-ħajja tiegħu, l-aktar fl-Evanġelju skont San Luqa, lil Ġesù nsibuh jieqaf biex jitlob bħal donnu biex fid-dawl tar-relazzjoni tiegħu ma’ Missieru jagħraf x’inhu l-pass li jmiss u jagħżlu. Jiġifieri, jekk qed taħseb li t-talb se jagħtik l-kwiet u jgħinek nissetiljaw, jaf toħroġ ftit diżappuntati. Għalkemm it-talb huwa dak il-‘post’ li joffrilna ċerta sigurtà u stabbiltà għax nafu li hemmhekk se niltaqgħu mal-uniku punt sod u stabbli tal-ħajja tagħna li ma jinbidilx—Alla—it-talb, jekk huwa ta’ veru, ma jħalliniex kwieti, ma jħalliniex fejn aħna imma dejjem imexxina għall-pass li jmiss. Fil-meditazzjoni fuq l-Evanġelji tagħraf liema attitudnijiet ta’ Kristu jeħtieġ li tpoġġi fil-konkret u tgħix fil-ħajja tiegħek. Tagħraf il-pass li jmiss tagħti u b’kuraġġ tagħtih dak il-pass, anke jekk jidher pass fid-dlam. Tibżax! Anke Kristu nsibuh jitlob qabel il-passjoni “b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt” (Lhud 5, 7). U talbu kien mismugħ, mhux għax saret ir-rieda ta’ bniedem beżgħan quddiem mewt ħarxa, imma għax kiseb il-kuraġġ meħtieġ li jwettaq f’ubbidjenza l-pjan divin u wasslu sal-milja tiegħu.