Ġesù talab għalik ukoll!

Rakkont ieħor fl-Evanġelji li jlaqqagħna ma’ Ġesù li jitlob huwa meta Ġesù jagħżel lill-Appostli wara lejl fit-talb:

Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Luqa 6, 12-16

Tagħmilli ħafna kuraġġ li anke t-talb ta’ Ġesù mhux dejjem kien suċċess! L-Appostli mhux dejjem ħarġuh ta’ nies, u fl-aħħar tradewh jew ħallewh waħdu—biżżejjed insemmu lil Ġuda u lil Pietru! Imma tagħmilli ħafna iktar kuraġġ li Ġesù jagħmel din l-għażla ta’ bnedmin fraġli proprju wara t-talb.

Fit-talb, quddiem ix-xewqa ta’ Alla għalina, jista’ jkun li aħna wkoll nirreżistu. Bħalma rajna diġà l-ġrajja ta’ Ġakobb li jissara ma’ Alla u fhimna li din hi xbieha mill-iktar qawwijin ta’ xi jfisser it-talb, hekk ukoll fid-diversi rakkonti ta’ sejħat li nsibu fil-Bibbja, naraw li l-persuni magħżulin għall-bidu sabuha bi tqila. Mosè jġib miljun skuża għalfejn ma kellux imur lura l-Eġittu biex permezz tiegħu Alla jeħles lill-poplu tiegħu (Eżodu 3-4). Isaija jħoss biża’ quddiem il-qdusija ta’ Alla u d-dnub tiegħu, imma mbagħad jasal biex jgħid, “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6, 8). Ġeremija jġib l-iskuża li għadu żgħir (Ġer 1, 6). Ġona jipprova jaħrab fid-direzzjoni opposta basta ma jmurx fejn riedu jmur Alla (Ġona 1, 3). Gidgħon, fil-Ktieb tal-Imħallfin, qabel ma l-anġlu tal-Mulej jgħidlu x’kienet se tkun il-missjoni tiegħu, jibda billi kważi kważi jagħti ħasla lil Alla talli mhu jagħmel xejn biex jiddefendi lill-poplu tiegħu (Mħ 6, 13). Jiġifieri, la se tkun tal-ewwel u lanqas tal-aħħar li ssib ix-xagħra fl-għaġina biex ma timxix ma’ dak li hemm miżrugħ fil-qiegħ ta’ qalbek.

Imma, agħmel il-qalb! It-talb ta’ Ġesù jinkludi lili u lilek ukoll. Fil-lejl qabel ma miet għalina fuq is-Salib, proprju f’dak l-iktar punt kruċjali Ġesù jagħmel talba mqanqla lill-Missier għad-dixxipli tiegħu imma wkoll għalina:

“M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom.”

Ġwanni 17, 20