Għadek tittama?
Għadek tittama? Int, iva, int: għadek tittama?
Forsi tgħidli: “Biex ġej?!” Imma, stabar ftit u tifhimni. Ieqaf aħseb ftit: Fiex tittama? X’tittama? Ħa nagħtik ftit eżempji: Forsi tittama li xi darba tirbaħ xi somma tajba ta’ flus ħalli tgħix komdu. Jew forsi tittama li tieħu xi promozzjoni jew rikonoxximent tal-ħidma tiegħek. Jew tittama li jkollok iktar ħin għal xi delizzju. U konvint li hemm tamiet iktar importanti minn hekk, hux? Tittama li dawk għeżież għalik ikunu b’saħħithom … għax taf li ma tistax iżżommhom f’bozza. Tittama li twassal sal-aħħar tax-xahar bil-paga u li tkun tista’ tħallas il-loan … jew, għall-kuntrarju, tittama li ma jisirqux il-ġid li għandek jew jilagħbuk u titlef kollox. Tittama fil-pjanijiet tiegħek għall-futur. Tittama li l-boċċa tiġi kemm jista’ jkun qrib il-likk.
Nittamaw … u nsomma, ma tantx. Ġarrabna biżżejjed fil-ħajja hekk li t-tama tilfet it-togħma tagħha, bħal meta jkollok tnaqqas il-melħ għax tbati bil-pressjoni … Hux? Bħali qed taħseb! “Għadni tassew nittama?” Qed tara! U, ngħiduha kif inhi, madwarna ma tantx naraw sinjali li jħeġġu wisq il-fjamma tat-tama għax fid-dinja ma tista’ tafda lil ħadd u n-nies tad-dinja lanqas ma jħalluk kwiet. Imma, agħar minn hekk, meta jinqala’ xi saram—mard, mewt, tispiċċa relazzjoni—hemm imbagħad ngħaxxquha ta’ veru. Hemm tħoss li l-ħolm u t-tamiet tiegħek issa tassew sfaxxaw fix-xejn u kollox tar mar-riħ … jekk mhux ukoll tħoss li anke inti qed issir trab itir mar-riħ u jintilef.
Imma t-tama hekk tfisser? Daqshekk biss hi t-tama? Il-konklużjoni naturali ta’ kull sitwazzjoni negattiva fil-ħajja hija d-disprament u l-qtigħ il-qalb?
X’inhi t-tama? It-tama hija l-fiduċja ta’ min fi xjuħitu jiżra’ żerriegħa ċkejkna ta’ siġra li jaf li hu mhux se jduq il-frott tagħha, imma jaf ukoll li jekk ma jagħmilx hekk lanqas in-neputijiet tiegħu ma jduquh il-frott. It-tama twessa’ l-viżjoni tagħna lil hinn mill-ponta ta’ mniħirna. It-tama tpoġġi l-ġrajjiet ta’ ħajjitna fi storja ikbar hekk li l-istejjer żgħar tagħna u dak li ngħixu kuljum jieħdu sens ikbar mill-monotonija ta’ jum wara ieħor. It-tama hija kuċċarina għasel fl-imrar ta’ ħajjitna biex isir ħelu mhux għax se ninsew imma għax nagħrfu mħabba u qawwa li huma wisq ikbar minna …
Naħseb li issa fhimt fejn irrid nasal, hux? Nistgħu ngħixu l-ħajja bħala turisti żgħażagħ moħħhom biss biex igawdu … il-gidba taż-żgħożija għal dejjem. Nistgħu ngħixu l-ħajja fuq bank fil-pjazza, bilqiegħda fil-ġenb, għax ma rridux noħorġu għonqna … forsi minħabba l-biża’, forsi minħabba l-għażż. Nistgħu ngħixu l-ħajja bħala esploraturi li jivvjaġġaw u jissuperaw lilhom infushom, imma fl-aħħar mill-aħħar jerġgħu lura minn fejn telqu … l-iktar l-iktar jakkwistaw xi ferita ta’ waqgħa jew jintefħu bis-suċċess.
Imma jifdal mod ieħor: tgħix il-ħajja bħala pellegrin li t-triq u l-post qaddis jagħtuh tama ma’ xiex jiggranfa u skop għal xiex jagħmel il-vjaġġ. Għall-pellegrin, il-vjaġġ u d-destinazzjoni mhumiex biss mira oħra milħuqa, imma jġibu magħhom bidla sħiħa hekk li ma jerġgħux lura d-dar l-istess: bidla fil-ħarsa fuq id-dinja; fejqan tal-ġrieħi tal-passat, filwaqt li ma jonqosx it-tektik ta’ xi kallu; il-ħarsa fuq il-futur tiċċara, mhux għax isir ottimista iblah, imma għax tinfetaħ quddiemu realtà u sseħħ laqgħa fil-fond ta’ qalbu li, bħall-imħabba, għalkemm sabiħa xorta waħda taqleb kollox ta’ taħt fuq.
U proprju hawn jibda l-pellegrinaġġ tat-Tama. Fil-vjaġġ tal-ħajja faċli ngħaddu minn ħaġa għal oħra, minn esperjenza għal oħra, minn ġrajja għal oħra, mingħajr ma nħallu l-għeruq jinżlu mkien, mingħajr ma nieqfu nirriflettu dwar dan kollu, l-aqwa li ħadna selfie f’kull post li mort u kull esperjenza li għaddejt minna biex malajr malajr intella’ xi ritratt jew video fuq il-midja soċjali filwaqt li b’ħerqa nistenna l-likes u l-kummenti … imma meta tispiċċa l-btala nerġa’ lura għall-istess ħajja ta’ qabel, għar-rutina tas-soltu daqslikieku qatt ma ġara xejn.
It-tama tiftaħ bieb li, ġaladarba ngħaddu minnu, insiru bnedmin ġodda għax niskopru li, minkejja kollox, iva, għadna nistgħu nittamaw, saħansitra anke quddiem il-mewt. U l-Ġublew ta’ dis-sena dan hu li se jkun possibbli. Din is-sena speċjali se tiftaħ bieb fuq triqtek mudlama sabiex tara dawl li joffri kenn u faraġ … dawl komdu, li ma jgħammxikx, imma li jilqgħek, hekk li ssib postok fih … U, meta toħroġ u tmur lura d-dar għall-ħajja tas-soltu, dak id-dawl tibqa’ ġġorru miegħek u jibqa’ jdawwal il-bqija tal-vjaġġ ta’ ħajtek … id-dawl li hu Ġesù, Alla li sar bniedem bħalna … Ġesù li jkebbes mill-ġdid il-fjamma tat-tama f’qalbna … tama li ssir fidi fih bħala dak li tassew jista’ jurina t-triq li twassal għall-ħajja—il-Ħajja vera … Ġesù li mħabbtu hi bla kundizzjonijiet u qatt mhi se tonqos, jew tidħaq bina, jew tużana u tarmina, għax hu Mħabba li ma tistenna xejn u tagħti kollox.