Għandek min imexxik fit-talb?

Fil-ġimgħat li għaddew waqafna naħsbu fuq diversi ostakli jew diffikultajiet li niltaqgħu magħhom meta nagħżlu li nieħdu l-ħajja tat-talb tagħna bis-serjetà. Imma żgur ma nistax inħalli barra ħaġa oħra tant importanti: li fil-mixja tat-talb ikun hemm persuna li qiegħda tiggwidana, li bħal donnha tista’ tara l-labirint ta’ ħajjitna minn fuq u tgħinna nsibu t-triq. Waħedna faċli nitqarrqu jew naqtgħu qalbna għax ma jkollniex min iżommna accountable. Imma akkumpanjati minn persuna ta’ esperjenza u għerf, il-mixja wara Ġesù tkun isbaħ u iktar b’saħħitha.

U ma neħtiġux biss bnedmin li jiggwidawna. Semmejna ħafna punti li punt jiddependi fuq l-isforz u l-impenn tagħna, imma tajjeb inżommu f’moħħna li fl-aħħar mill-aħħar it-talb—it-talb veru—mhuwiex ġej mill-isforzi tagħna imma hu don ta’ Alla, kif jispjega tant tajjeb San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani:

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

Rumani 8, 26-27

Għaldaqstant, jeħtieġ li lill-Ispirtu s-Santu nħalluh ikun dak li jgħallimna nitolbu tassew għax hu stess ikun qed jitlob fina. Inħallu l-kontroll f’idejh għax inkella nkun qed infittex li nagħmel ir-rieda tiegħi flok dik ta’ Alla. Ifisser li, filwaqt li nieħdu bis-serjetà l-impenn tagħna, irridu wkoll bħall-appostli kontinwament nibqgħu nitolbu lil Ġesù: “Mulej, għallimna nitolbu!” U Ġesù wegħidna li kulma nitolbu f’ismu huwa jagħtihulna.