Il-Ġisem Wieħed ta’ Kristu

Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu.

1 Korintin 12, 12

Fl-aħħar artiklu f’din is-sensiela dwar Lumen Gentium esplorajna il-mod kif il-Poplu ta’ Alla u ppreżentat u mifhum. F’dar-rigward, ikkonkludejna b’nota dwar l-istqarrija li “extra ecclesiam nulla salus.” Għalhekk, qabel ma nħarsu lejn kapitli III u IV, ejjew nieqfu ftit sabiex napprofondixxu ftit ieħor din l-idea.

Fi kliem sempliċi, il-kunċett li “barra l-Knisja m’hemmx salvazzjoni” hu ġie ttrattat meta id-dokument tkellem dwar il-Knisja bħala Sagrament ta’ Salvazzjoni. Hawnhekk, l-idea fundamentali hi li anke dawk li ma jiffurmawx parti mill-Knisja—jew għax għandhom twemmin ieħor jew għax m’għandhom l-ebda twemmin—jistgħu jsalvaw, imma xorta waħda jsalvaw permezz tal-Knisja. Peress li kien bil-mewt u l-qawmien tiegħu li s-salvazzjoni saret possibbli għal kulħadd, Kristu waqqaf il-Knisja u taha l-mandat li tkun l-istrument sabiex din is-salvazzjoni titwassal mal-art kollha.

Kif rajna fl-ewwel kapitlu, il-Knisja hi msejħa biex tħabrek għas-salvazzjoni tal-erwieħ kollha. Dan ifisser li t-talb tal-fidili jista’ jħalli effett fuq l-umanità kollha, anke fuq dawk li ma jemmnux jew ta’ reliġjon differenti. Ifisser ukoll li hu permezz tal-Knisja li l-ħniena u l-grazzja jitferrgħu fuq l-umanità kollha. Kull meta Alla jintervjeni jew jqassam il-grazzji, dan jagħmlu permezz tal-Poplu ta’ Alla. Dan iwassalna għat-tielet u r-raba’ kapitli li jesploraw il-mod kif “il-Poplu ta’ Alla” hu strutturat skont is-sejħa u l-għan tiegħu. Hawnhekk tista’ tqum il-mistoqsija: Għalfejn Kristu waqqaf il-ġerarkija ekkleżjastika? Għalfejn fil-Knisja hemm ġerarkija?

Sa mill-bidu, Ġesù ried li s-suċċessuri tal-appostli—l-isqfijiet—ikunu rgħajja fil-Knisja tiegħu sal-aħħar taż-żmien. Issa, “sabiex l-episkopat ikun wieħed u mhux mifrud, huwa qiegħed lil Pietru ras tal-appostli l-oħra u fih waqqaf il-prinċipju u l-fundament perpetwu u viżibbli tal-unità tal-fidi u tal-komunjoni” (par. 18). Il-pożizzjoni u l-vokazzjoni tal-Papa teżisti proprju biex tħares l-għaqda u l-komunjoni tal-Knisja fl-aspetti kollha tal-fidi. Barra minn hekk, fuq l-eżempju tat-tnax-il Appostlu magħżulin u mibgħuta flimkien minn Kristu, l-għaqda tal-ġerarkija tal-Knisja hija għall-qadi tal-komunjoni tal-fidili kollha. Kull isqof jeżerċita l-ministeru tiegħu bħala membru tal-kulleġġ tal-isqfijiet f’għaqda mal-Papa u jaqsam miegħu il-kura tal-Knisja universali (ara par. 22-23). Is-saċerdoti jeżerċitaw il-ministeru tagħhom fil-presbiterju tal-Knisja lokali flimkien mal-isqof tagħhom u taħt id-direzzjoni tiegħu (ara par. 28).

U l-lajċi? Kif jieħdu sehem mill-ħidma saċerdotali ta’ Kristu? Kapitlu IV jiffoka fuq l-irwol tal-lajċi. Hawnhekk, Lumen Gentium espliċitament jafferma li:

il-lajċi, billi huma mogħtija għal Kristu u kkonsagrati mill-Ispirtu s-Santu, huma b’mod tal-għaġeb imsejħin u mgħallmin biex jagħmlu frott dejjem iżjed kotran tal-Ispirtu. Il-ħidma kollha tagħhom, infatti, it-talb u l-inizjattivi ta’ appostolat, il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja, ix-xogħol ta’ kuljum, il-mistrieħ tar-ruħ u l-ġisem, jekk isiru fl-Ispirtu, u saħansitra d-dwejjaq tal-ħajja jekk huma merfugħin bil-paċenzja, isiru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu (ara Pt 2,5). Biċ-ċelebrazzjoni ewkaristika dawn is-sagrifiċċji huma bit-tjieba kollha offruti lill-Missier flimkien mal-offerta tal-ġisem tal-Mulej. B’hekk il-lajċi wkoll, waqt li jaħdmu kullimkien bi qdusija bħala adoraturi, jikkonsagraw lil Alla l-istess dinja.

Lumen Gentium, par. 34

Għalhekk, il-mistoqsija dwar il-vokazzjoni tal-lajċi titwieġeb b’dan il-mod:

Huwa dmir tal-lajċi li, bis-sejħa proprja tagħhom, ifittxu s-saltna ta’ Alla billi jħaddmu l-ħwejjeġ temporali u jindirizzawhom skont ir-rieda ta’ Alla. Huma jgħixu fid-dinja jiġifieri fl-impjiegi u professjonijiet kollha li jeżistu fid-dinja u f’kull wieħed minnhom, u wkoll fil-kundizzjonijiet normali tal-ħajja familjari u soċjali li magħhom bħal jinsġu l-eżistenza tagħhom. Hemm huma msejħin minn Alla biex, waqt li jagħmlu x-xogħol tagħhom fid-dinja taħt it-tmexxija tal-ispirtu tal-evanġelju, jagħtu sehemhom minn ġewwa, bħalma tagħmel il-ħmira, biex id-dinja titqaddes. B’hekk huma juru lil Kristu lill-oħrajn l-iżjed bix-xhieda ta’ ħajjithom imdawla bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba.

Lumen Gentium, par. 31

Jew, kif ifisser tant tajjeb fi ftit kliem il-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika:

Il-fidili lajċi għandhom bħala vokazzjoni tagħhom li jfittxu s-Saltna ta’ Alla, u li jdawlu u jmexxu l-ħwejjeġ tad-dinja biex isiru kif irid Alla. B’hekk, iwettqu s-sejħa għall-qdusija u għall-appostolat magħmula lill-imgħammdin kollha.

Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 188

Dan ifisser li l-Ġerarkija tal-Knisja qiegħda hemm biex tagħti struttura lill-irwoli differenti li kull persuna, permezz tas-sejħa tagħha, hu mistieden li jgħix. Il-Ġerarkija m’għandniex inħarsu lejha f’termini ta’ poter jew ‘importanza’—l-ebda vokazzjoni mhija superjuri fil-possibbiltà tagħha li twassal għall-qdusija u fl-eżistenza tagħha għall-ġid tal-Knisja. Hawnhekk ma nistgħux ma nfakkrux fit-tixbiha ta’ San Pawl li jqabbel l-irwoli differenti tagħna mal-partijiet differenti tal-ġisem (1 Kor 12, 12). Ilkoll neħtieġu lil xulxin. Ilkoll jeħtieġ li naħdmu flimkien. Fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll qegħdin nippruvaw naqdu lill-istess Knisja u lill-istess Alla Trinitarju.