Il-Ġublew fl-Istorja tal-Knisja

L-ewwel Ġublew fl-istorja tal-Knisja Kattolika tnieda fl-1300 mill-Papa Bonifaċju VIII. Quddiem il-wasla ta’ tant pellegrini f’Ruma, il-papa fehem ix-xewqa tagħhom ta’ rikonċiljazzjoni u maħfra tad-dnubiet u ddikjara dik is-sena bħala waħda qaddisa li fiha dawk li kollha li nġabru f’Ruma u żaru l-Bażiliċi ta’ San Pietru u ta’ San Pawl għal diversi drabi setgħu jiksbu din il-grazzja, bħalma l-ġublew kien joffri fit-Testment il-Qadim.

Għalkemm ġie stabbilit li ċelebrazzjonijiet bħal dawn kellhom iseħħu kull 100 sena, fl-1350 u mbagħad fi snin oħrajn ġew iċċelebrati dawn is-snin speċjali fuq bażi ta’ kalkoli differenti, sakemm fl-1475 ġie stabbilit li kull 25 sena kellha tkun sena qaddisa. Peress li kien hemm snin qaddisa li ġew iċċelebrati f’okkażjonijiet partikolari, bħal ngħidu aħna l-Ġublew tar-Redenzjoni fl-1933 u l-1983 u l-Ġublew tal-Ħniena fl-2016, il-ġublew li jiġi ċċelebrat kull 25 sena jissejjaħ “ordinarju”, filwaqt li l-oħrajn jissejħu “straordinarji”. Snin Imqaddsa ordinarji ċċelebrati sal-lum kien hemm b’kollox sitta u għoxrin, u din tal-2025 hija s-sebgħa u għoxrin waħda.

Il-Ġublew hu opportunità unika biex insaħħu l-fidi, inseddqu l-opri ta’ solidarjetà u l-komunjoni fraterna fi ħdan il-Knisja u fis-soċjetà. Il-Ġublew hu ġrajja kbira ta’ poplu fuq medda ta’ sena sħiħa, magħmula minn talb u ġesti konkreti, li matulha kull pellegrin jista’ jogħdos fil-ħniena bla tarf ta’ Alla.

Il-Ġublew hu s-sena biex nerġgħu lura għall-essenza tal-fraternità, waqt li nerġgħu ninsġu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u r-relazzjoni mal-Missier. Hija s-Sena li tħeġġeġ għall-konverżjoni, opportunità biex inħarsu lejn ħajjitna u nitolbu lill-Mulej imexxiha lejn il-qdusija. Hija s-Sena tas-solidarjetà, tat-tama, tal-ġustizzja, tal-impenn b’risq is-servizz ta’ Alla fil-ferħ u fil-paċi mal-aħwa.

Imma, fuq kollox, is-Sena tal-Ġublew għandha fil-qalba tagħha l-laqgħa u r-rikonċiljazzjoni ma’ Kristu li hu t-Tama waħdanija tagħna!