Il-Ħorġa tal-Pellegrin

Għalik li qed tagħmel din il-mixja, matul il-ġimgħat li ġejjin se noffrulek sensiela ta’ riflessjonijiet li se jkunu donnhom l-ħorġa tiegħek. Minkejja li, meta Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu tnejn tnejn biex ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda, ordnalhom sabiex jivvjaġġaw ħfief kemm jista’ jkun, il-mixja tiegħek hija ta’ xorta oħra. L-għan tiegħek huwa li, waħdek jew flimkien ma’ oħrajn, tagħmel pellegrinaġġ, jiġifieri mixja twila lejn post qaddis. Matul din it-triq se tiltaqa’ wkoll ma’ diversi mkejjen ta’ importanza storika u reliġjuża hekk li se jgħinuk tifhem iktar in-nisġa tal-istorja u tal-kultura ta’ din l-art ħelwa u lil hinn.

Fl-istess waqt, se tkun qed tagħmel ukoll mixja interjuri lejn il-“post” l-iktar qaddis tal-veru inti. U hawn tinduna li f’dal-vjaġġ fiżiku u spiritwali ma tistax tibqa’ sempliċi turist jew esploratur avventuruż. Dan għaliex iktar ma timxi ’l quddiem lejn il-maqdes li trid tilħaq—sew jekk huwa d-destinazzjoni tal-mixja u sew jekk jirnexxilek tasal li tinżel fil-fond tal-qalb tiegħek—iktar se tħossok tiżżarma biċċa biċċa u titneżża’ ftit ftit sakemm ma jkun fadal xejn ħlief il-veru inti: ix-xbieha ta’ Alla fik li tagħmlek dak li inti u li hija unika għalik għax dak li hu traxxendentali ma jistax jitfisser jew jiġi espress b’mod wieħed biss!

Imma dan il-vjaġġ jista’ jkun perikoluż jew jista’ jaqtagħlek qalbek. Huwa għalhekk li l-mixja m’intix se tagħmilha waħdek imma flimkien ma’ pellegrini oħrajn li bħalek qed jilqgħu din l-isfida. Huwa għalhekk li jeħtieġ li tkun armat tajjeb sabiex tkun tista’ tterraq fit-tul u fil-fond bl-enerġija u d-dawl li teħtieġ. Huwa għalhekk li qed noffrulek dawn ir-riflessjonijiet bħala l-ħorġa tiegħek għall-pellegrinaġġ sabiex għal għonq it-triq ma tintilifx u moħħok ma jixxerridx fuq miljun ħaġa, imma tibqa’ żżomm mal-għan aħħari tiegħek: li tiltaqa’ ma’ Dak li jiżboq kull aspettattiva tagħna u li jista’ jżarmana u jarmana mill-ġdid bla ma jfarrakna hekk li meta ttemm il-mixja u terġa’ lura lejn darek, tmur lura persuna sħiħa u mibdula. Tkun tista’ tmur lura kollok tama u kuraġġ biex taffronta l-ħajja għax tkun sibt it-Tama ta’ ħajtek li tagħtik sens u skop għal xiex tgħix u titħabat … u hekk tkompli timxi ta’ kuljum bħala Pellegrin tat-Tama!