Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Il-Ħatar

It-triq tal-pellegrinaġġ se tgħaddik minn postijiet b’topografija differenti: daqqa għan-niżla u daqqa għat-telgħa; daqqa mill-wita u daqqa mit-tajn u ċ-ċaflis. Ma tkunx idea ħażina jekk miegħek tieħu ħatar.

Jekk tkun xortik tajba biżżejjed—jew jirnexxilek tintilef tant tajjeb—tista’ tiltaqa’ ma’ xi raħħal jew ragħaj b’merħla ċkejkna ta’ nagħaġ jew mogħoż. Sfortunatament din id-dehra sparixxiet kważi għal kollox mill-pajsaġġ rurali tagħna. Imma tajjeb iżżomm f’moħħok li l-ħatar huwa differenti mill-għasluġ. L-għasluġ huwa dak il-bastun li permezz tiegħu r-ragħaj imexxi l-merħla. Ġeneralment ikollu l-parti ta’ fuq xi ftit mibruma sabiex permezz tagħha jkun jista’ jiġbed in-nagħaġ u jżommhom fit-triq. Huwa għalhekk li l-isqof—ir-ragħaj spiritwali tal-knisja lokali—juża l-baklu li għandu forma ta’ għasluġ.

Mill-banda l-oħra, il-ħatar huwa ta’ għajnuna għal min jinsab fi vjaġġ. Forsi llum nużaw it-trekking poles, imma l-kunċett huwa l-istess. Il-ħatar huwa bastun twil li miegħu tista’ sserraħ meta tieqaf tieħu nifs, tista’ tagħmel is-saħħa bih fit-tlajja’ u jew iżomm miegħu fl-inżul, jew biex taqbeż xi għadira tajn. Jgħinek iżżomm il-bilanċ sabiex ma taqtax qalbek.

Fil-mixja tal-ħajja wkoll neħtieġu l-oħtra: Neħtieġu ħbieb li fuqhom nistgħu nserrħu. Neħtieġu persuni li jgħinuna nġorru l-piż—jekk mhux ukoll iġorruna meta ninfixlu u naqgħu. Għandna bżonn li nkunu aħwa fil-komunità u fis-soċjetà sabiex ikun possibbli nwieżnu lil xulxin. Neħtieġu persuni li huma ta’ fiduċja u magħhom nistgħu naqsmu l-ħajja tagħna. Min huma l-oħtra tiegħek? Ftakar ftit fihom matul it-triq. U ftakar ukoll f’dawk li bħalissa qed tkun ta’ spalla għalihom. Kif qed tħossok f’din l-esperjenza? Il-piż hu wisq tqil? Normali. Għalhekk ftakar li anke r-Ragħaj it-Tajjeb sar ħatar għalik biex miegħu titwieżen.

Salm 23: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi
1Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
2f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
3hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
4Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni.

5Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
6Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!