
Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Il-Kappell
Kif ma jistax ikun li ma jkollokx żarbun tajjeb, hekk ukoll ma tistax tmur għal pellegrinaġġ mingħajr kappell tajjeb. Imma tajjeb għal xiex? Jiddependi miż-żmien tas-sena u mill-artijiet li fihom se tterraq. Irid ikun tajjeb biex jgħattik mill-qilla tax-xemx, jekk jista’ jkun ukoll bil-pizz ftit imdaqqas biex jgħatti għonqok u ftit spallejk ukoll. Imma ma tistax tgħid jekk taqbdekx ix-xita fit-triq, u allura forsi xi barnuża u ġakketta tal-inċirata tkun aħjar. Jew se tmur f’post kiesaħ? Allura aħjar skufja jew xi beritta ħoxna. U taf jekk hux se jirnexxilek issib kenn għal-lejl?
U, sakemm tiddeċiedi x’l-aħjar tieħu miegħek, se tkun tlaqt u dak li jkollok fuq rasek se jkun il-kappell tal-pellegrin tiegħek. Dak u s-Smewwiet … dawn se jkunu l-għata ta’ rasek fit-taqbida mal-elementi (ara Salm 140, 8), li għandhom ħabta jinbidlu malajr daqs kemm jinbidlu l-burdati ta’ xi wħud. U r-rapporti tat-temp nafu li daqs mus jaqtgħu!
Xemx u xita, Alla jaf meta! U hekk trid tagħmel: tafda fih! Għalkemm il-pellegrinaġġi jissemmew fil-Bibbja, u hemm vjaġġi epiċi—bħall-vjaġġ tal-poplu Lhudi fid-deżert mill-Eġittu għall-art imwiegħda—li jieħdu d-dimensjoni ta’ pellegrinaġġ, il-kpiepel ftit li xejn jissemmew. Iktar jissemma l-elmu. Għalkemm hu marbut mal-gwerra, il-Bibbja tirreferi għal erba’ darbiet għall-elmu bħala simbolu ta’ salvazzjoni, ġustizzja, u tama. Fit-tielet taqsima tal-Ktieb tal-Profeta Isaija, il-Mulej iwieġeb għall-ħażen tal-poplu billi jilbes “il-ġustizzja bħal kurazza, u l-elmu tas-salvazzjoni f’rasu” (Is 59, 17). Maż-żmien, din il-profezija tieħu ton Messjaniku, xi ftit bħalma naraw fil-Ktieb tal-Għerf, meta l-awtur jitkellem dwar il-ħlas tal-ġusti imma wkoll dwar il-qilla tal-Mulej kontra l-boloh, liebes “il-kurazza tal-ġustizzja” fuq sidru u “l-elmu tal-ħaqq bla qerq” fuq rasu (ara Għerf 5, 17-20).
Wara s-salvazzjoni li ġabilna Kristu permezz tat-taqbida u r-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt, San Pawl iħeġġeġ lill-Insara sabiex huma wkoll jieħdu fuqhom din it-taqbida mingħajr armi ħlief dawk qaddisa mogħtija minn Alla. Lill-Efesin jgħidilhom biex jilbsu l-armatura ta’ Alla biex ikunu jifilħu jieqfu lit-tnassis tax-Xitan, fosthom billi jilbsu “l-elmu tas-salvazzjoni” (Ef 6, 17). Lit-Tessalonikin iwissihom sabiex jishru għall-miġja tal-Mulej, li ma jafux meta se tiġi. Għalhekk jeħtieġ ikunu mħejjija b’ħajja mgħixa tajjeb u bil-qjies billi “nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni,” filwaqt li nibnu u nfarrġu lil xulxin “għax Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (ara 1 Tess 5, 8-11).
Ninsab ċert li, jekk ħadt li forma ta’ għata għal rasek, żgur ma ħadtx elmu tqil. Madankollu, għalkemm ma tlaqtx fuq kruċjata, għad-dell u l-kenn tal-kappell tiegħek, xorta waħda se jkollok tissielet. Din tiegħek hija kurċjata missielta mhux ’il barra minnek imma fil-qalba ta’ ruħek. Se ssibek tissara ma’ dak li qbadt dal-vjaġġ biex tiskoprih sabiex, wara li tiffaċċja d-dlamijiet ta’ ġo fik u titqabad ma’ dak li qed itterraq miegħek, ukoll jekk għadek ma tistax tagħrfu fid-dlam, mat-tbexbix jegħlbek u jagħtik il-barka (ara Ġen 32, 23‑30).
Salm 121: Il-Mulej jgħasses fuqna
1Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;
mnejn se tiġini l-għajnuna?
2L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,
li għamel is-sema u l-art.3Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;
ma jongħosx dak li jħarsek.
4Ara, la jongħos u lanqas jorqod
dak li jħares lil Iżrael.5Il-Mulej hu dak li jħarsek;
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
6Ma tolqtokx ix-xemx binhar,
anqas il-qamar billejl.7Iħarsek il-Mulej minn kull deni;
hu jħarislek ħajtek.
8Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,
minn issa u għal dejjem.