Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Il-Plieri tal-Mili

Matul it-toroq ewlenin tal-pellegrinaġġi l-kbar insibu plieri jew ġebel kbir li fuqhom ikun hemm immarkata d-distanza li l-pellegrini fadlilhom jimxu sabiex jilħqu d-destinazzjoni tagħhom. Hija esperjenza mill-iktar umana li tkun tixtieq tagħraf fejn wasalt, kemm fadallek tisforza, u biex tagħmel kuraġġ meta ssir taf li qbiż tin-nofs u fadal l-aħħar qadfa.

Imferxin madwar il-kampanja tal-gżejjer tagħna nsibu għadd ta’ plieri jew ħaġar tal-mili. Dawn saru fi żmien il-ħakma imperjali Britannika sabiex jgħinu lill-baħrin u s-suldati barranin isibu triqthom billi jindikawlhom kemm mili kienu ’l bogħod mill-Belt Valletta f’Malta jew mill-Belt Victoria f’Għawdex. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, id-distanzi indikati fuq dawn il-plieri tal-mili ġew imħassra sabiex ma jkunux ta’ għajnuna u gwida għall-għadu f’każ ta’ invażjoni.
L-isem li dawn is-sinjali jingħataw bil-Malti mhux dejjem huwa ċar eżatt x’inhu. Fil-fatt, iktar nużaw il-kelma bl-Ingliż milestones biex nirreferu għalihom. Hija kelma li ta’ spiss tintuża b’mod metaforiku biex appuntu tindika li ntlaħqet xi mira, tragward, jew tappa importanti fi proċess, bħal ngħidu aħna studju, karriera, investigazzjoni, miri fi pjan ta’ azzjoni, żvilupp, u l-bqija.

Fid-Diskors tal-Muntanja, meta jitkellem dwar il-maħfra, Ġesù jgħid lil dawk li kienu madwaru li jekk l-oppressur barrani—li kien l-għadu kollettiv tal-poplu—iġagħalhom jimxu mil biex iservuh ta’ bilfors, huma għandhom jibqgħu mixjin, jekk hemm bżonn saħansitra mil ieħor (ara Mt 5, 41).

Fil-pellegrinaġġ se jkollok timxi ferm iktar, imma dan tagħmlu b’għażla libera u b’impenn. U mqar jekk fil-ħajja ta’ kuljum tħossok timxi fit-tul mingħajr ma tasal imkien, bħal donnok il-ħmar idawwar ir-rota tas-sienja, permezz tal-pellegrinaġġ taqta’ għal ftit mir-rota monotona u tidħol f’esperjenza għal kollox differenti. B’dawn id-diversi tappi, se tħoss sodisfazzjon li lħaqt stadju ieħor. Imma se tkun qed tħabbat wiċċek ma’ rqajja mudlama mqar binhar. Għalkemm timxi bħala persuna ħielsa, il-ħajja tas-soltu ġġorrha miegħek u, fis-solitudni talmixi, se jkollok tagħmel il-kontijiet magħha.

Iżda, bħall-plieri tal-mil, dawn is-sinjali matul il-mogħdija tal-ħajja jagħmlulek il-qalb għax juruk li għadek fit-triq it-tajba minkejja li ġġarrab id-dlam u l-melankonija tal-għabex … u iktar ma timxi iktar se tidħol ’il ġewwa fil-għar mudlam li jwassal sa qiegħ qalbek, fejn se terġa’ tgħix mill-ġdid ġrajjiet, weġgħat, niket u ferħ, esperjenzi li sakkart fl-armarji jew dfint fis-sniedeq imma għadhom hemm u saru katavri jintnu.

Tibżax! Ma’ kull waħda minn dawn il-waqfiet, ftakar li hemm xi ħadd qed iżommlok idek u jfesfislek f’widintek kliem ta’ tama sabiex, iva, tieqaf, tiftaħ, tgħarrex, tgħarbel sakemm tiġbor il-ħaġra prezzjuża li toħroġ minn kull wieħed minn dawn l-esperjenzi ħalli tkun tista’ toffrihom lilu bi gratitudni u b’telqa totali fil-ħdan kollu mħabba tiegħu. U hu se tagħtihomlok lura illustrata u minġura sewwa sabiex jirfdu s-sisien ta’ ħajtek, jew saħansitra jsiru l-pedamenti l-ġodda li fuqhom tibni l-ħajja ġdida tiegħek … għax, anke jekk terġa’ lura għall-istess monotonija tal-ħajja ta’ kuljum, wara pellegrinaġġ xejn ma jibqa’ l-istess! Xejn ma jista’ jibqa’ l-istess!

Salm 122: Pellegrinaġġ għal Ġerusalemm
1Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
2Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm!
3Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
4Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej,
biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
5Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David.
6Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm:
“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
7Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek,
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”
8Minħabba ħuti u ħbiebi,
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
9Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,
nixtieq illi jkollok il-ġid.