
Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Is-Santwarju
Wasalt fl-aħħar! Issa tista’ tneħħi l-kappell, tpoġġi bil-qiegħda fl-ewwel post li ssib, u tieħu nifs. Xħin għajnejk joqogħdu għad-dawl baxx ta’ ġewwa f’kuntrast ma’ dak ta’ barra, tista’ tibda tgħarrex madwarek. Ftakar li kull post għandu s-sensazzjoni tiegħu: il-mod kif jidwu l-ħsejjes partikularment tal-għana ħelu u tat-talb li kważi jġorruk magħhom għal żmien ieħor jew idaħħluk f’realtà oħra; il-fwieħa tal-inċens jew ir-riħa ta’ umdità; l-effett li joħloq id-dawl naturali li jidħol mit-twieqi hekk li jagħmlu l-maqdes jidher mudlam jew imdawwal; l-ilwien tal-ħitan u s-saqaf, il-pinzellati tal-opri ta’ arti jew tal-motivi dekorattivi … sakemm għajnejk jistrieħu fuq il-qalba tas-santwarju, l-oġġett l-iktar qaddis u ta’ qima, dak li jiġbed lil pellegrini oħra bħalek biex iterrqu fit-tul u mill-bogħod.
U, issa li bridt ftit u n-nifs ġie f’postu, riġlejk straħu ftit u bdejt titpaxxa bil-ġmiel sew jekk majestuż u sew jekk sempliċi, issa tista’ titlob … Imma x’se titlob?
It-talb huwa esperjenza suġġettiva ħafna bħal kull relazzjoni oħra. Għall-bidu l-Infinit se jaddatta ruħu għalik u jħallik tferra’ f’ħoġru dak li ġibt miegħek fil-ħorġa ma’ dahrek, dak li qanqlek biex tibda dal-vjaġġ, dak li ltqajt miegħu u għaraft u fhimt dwarek innifsek u dwaru u dwarkom għal għonq it-triq. It-toqol li ġibt miegħek tista’ tpoġġih quddiemu. Is-skiet tad-dlam u s-solitudni hemmhekk ma jistunax, anzi tista’ tiskopri li hemm sens fih ukoll. Id-dmugħ u l-għaraq jistgħu jimlew il-ħwat biex isir ilma mbierek jew saħansitra jinbidel fl-inbid tal-hena, kif għallimna ngħannu Dun Karm: “Int għallimtna tan-niket il-hena, Int għallimtna fil-hemm inberkuk.” In-nifs maqtugħ jista’ jeħodlu postu n-Nifs Qaddis. Is-sens ta’ ħtija u l-ebusija tal-qalb, l-indiema, il-maħfra, il-ħelsien … dawn kollha tista’ dduqhom quddiemu, iktar u iktar jekk ikun possibbli u tagħmel il-qalb biex tersaq lejn is-sagrament tal-qrar, u forsi wkoll tieħu sehem fil-festa Ewkaristika tal-Iben li reġġa’ lura d-dar lill-ulied kollha mitlufin. Stqarr ir-rabta mal-Knisja billi tistqarr il-fidi, u itolbu bħala Missierek permezz tat-talba li twaħħdek mal-umanità.
Huwa hekk li tista’ titgħallem titlob, jiġifieri billi tistrieħ, tithenna, u tistaħja fil-preżenza ta’ dak li kontinwament iħobbok u jiġbdek lejh. Tħallih jgħannqek u inti wkoll titgħannaq miegħu u wiegħed lilek innifsek li xejn u ħadd mhu se jeħodulek għax lanqas hu ma jrid jitilfek.
Huwa f’dak is-skiet mimli li jistgħu jiddewwew il-ġrieħi tal-qalb u t-tiċrit tar-ruħ u t-trawmi maħżuna fil-memorja, hekk li f’dak il-mument preżenti jdub iċ-ċpar sew fuq l-imgħoddi u sew fuq il-ġejjieni, u kollox jidher ċar quddiemek, imqar jekk biss għal ftit sekondi… Dan hu t-talb! Hawn l-għatx tiegħek u tal-Infinit isiru għajn tnixxi bla ma taqta’ għax hi “x-xmara tal-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf” u wkoll mill-qalb tiegħek … ilma li bih ħajtek ukoll tagħti frott tajjeb li jaħji għax imsoqqi bl-Infinit, weraq li jinsaħaq f’duwa ta’ mħabba (ara Apok 22, 1-3) … u mhux għalik biss!
Salm 84: Xewqa kbira għat-Tempju
Salm 84, 2-13
2Kemm hi għażiża d-dar tiegħek,
Mulej tal-eżerċti!
3Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.
4Sal-għasfur isib fejn jgħammar,
u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;
hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,
Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!
5Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
6Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
li għandhom għal qalbhom il-pellegrinaġġ għat-tempju.
7Huma u għaddejja minn wied niexef,
ibiddluh f’nixxiegħa ta’ ilma;
u x-xita bikrija tbiddlu f’għadajjar.
8Jimxu u aktar jissaħħu,
sa ma jidhru quddiem Alla f’Sijon.
9Mulej, Alla tal-eżerċti, isma’ talbi;
agħti widen, Alla ta’ Ġakobb.
10Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna,
ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.
11Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek
aħjar minn elf jum f’post ieħor;
aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi
milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.
12Għax xemx u tarka l-Mulej Alla,
ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.
Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej
lil min jimxi bis-sewwa.
13Mulej tal-eżerċti,
hieni l-bniedem li jittama fik!