
Il-Ħorġa tal-Pellegrin: Is-Slaleb tal-Ġebel
Barra l-ħaġar tal-mili, matul it-triq tal-pellegrinaġġ jaf iltqajt jew se tiltaqa’ ma’ slaleb tal-ġebel, Cruceiros bl-Ispanjol. Ma’ dawn is-slaleb kien hemm marbuta l-maħfra tad-dnubiet, kif isostni l-awtur u l-politiku Spanjol Castelao, u l-ħarsien tal-pellegrini fi triqthom lejn il-post ta’ qima. Xi wħud minn dawn is-slaleb huma tassew elaborati, bi xbieha ta’ Kristu msallab fuq quddiem u bi xbieha tal-Madonna jew xena biblika fuq wara.
Slaleb simili jiffurmaw parti integrali anke mill-pajsaġġ Malti. Ġeneralment, nirreferu għalihom bħala Slaleb tad-Dejma għax ġieli kienu jservu ta’ postijiet fejn tinġabar il-milizzja magħmula minn irġiel bejn it-18 u s-60 sena li, wara ġurnata xogħol, kienu jgħassu matul il-lejl għal xi attakk mill-furbani jew saħansitra joħorġu għalihom biex iżommuhom.
Madankollu, l-oriġini proprja ta’ dawn is-slaleb, li niltaqgħu magħhom sew fil-kampanja u sew fl-abitat, mhijiex magħruf. Jista’ jkun li twaqqfu biex jimmarkaw post fejn xi darba kien hemm kappella li ġiet ipprofanata. Oħrajn x’aktarx jimmarkaw it-territorji, il-konfini bejn raħal u ieħor, jew saħansitra bejn ġurisdizzjoni jew oħra l-aktar fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. F’dan il-perjodu storiku, xi postijiet kienu jaqgħu taħt il-Kavallieri, imma oħrajn kienu taħt l-Isqof jew l-Inkwiżitur, u saħansitra kien hemm imkejjen li jaqgħu taħt l-Università tal-Imdina. Slaleb oħra twaqqfu bħala tifkira ta’ ġrajja, leġġenda, jew ta’ xi devozzjoni partikulari. Xi wħud minn dawn is-slaleb kellhom ukoll marbuta magħhom xi indulġenza għal min jieqaf jitlob quddiemhom, jew kienu jservu ta’ destinazzjoni għal xi pellegrinaġġ b’talb għal ħwejjeġ marbutin mas-sena agrarja. Dawn saħansitra ġieli kienu jiġu mżejna bid-damask aħmar, fjuri, tazzi u fanali jixegħlu biż-żejt.
Matul din il-mixja flimkien diġà waqaft tirrifletti dwar is-salib bħala għajb li jsalva, skandlu li jibni, u bluha għarfa, f’rabta mas-slaleb ħomor forma ta’ sejf li jimmarkaw l-arzelli tal-pellegrini. Iżda fl-Evanġelju skont San Ġwann għandna perspettiva xi ftit differenti tas-Salib li tmur pass lil hinn milli tagħrfu bħala t-tbatija li ssalva. Għal tliet darbiet, Ġesù jitkellem dwar is-Salib bħal donnu l-mument tal-glorifikazzjoni tiegħu. Waqt il-laqgħa ma’ Nikodemu billejl, Ġesù jfakkru f’episodju mit-Testment il-Qadim li permezz tiegħu fissirlu aħjar kif kienet se sseħħ is-salvazzjoni totali u mhux biss parzjali tal-umanità (ara Num 21, 9), bħalma kienet il-ħniena li talab Mosè għall-poplu tiegħu: “kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 14-15).
F’kapitlu 8, wara li jeħles mit-tħaġġir lill-mara li nqabdet fl-adulterju, il-Fariżej u l-Lhud jidħlu f’diskussjoni mqanqla dwar l-identità tiegħu bħala Bin Alla. U, billi jibqgħu ma jintebħux kliemu kien tassew minnu, Ġesù jagħtihom is-sinjal tas-salib bħala konferma konkreta—għalkemm xi ftit moħbija—ta’ dak li kien qiegħed jgħidilhom: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier” (Ġw 8, 28).
Għat-tielet darba, wara d-daħla trijonfali f’Ġerusalemm riekeb fuq felu, quddiem il-misteru tat-tbatija li kienet ġejja fuqu fi ftit ġranet, minkejja li dak il-ħin iħoss ruħu mħawwad, xorta waħda l-perspettiva tiegħu tibqa’ ċara, tant li jistqarr b’mod mill-iktar qawwi: “U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12, 32).
Dawn is-slaleb tal-ġebel—u magħhom nistgħu ninkludu wkoll l-istatwi jew n-niċeċ li nsibu ’l hemm u ’l hawn—għandhom dan l-għan li jerfgħuna ’l fuq f’dan il-moviment kontinwu ta’ Kristu li, bħal donnu kalamita ta’ mħabba, bla heda jiġbed il-bnedmin kollha lejh. Il-pilastru u l-għuda l-wieqfa tas-salib isiru bħas-sellum wieqaf fl-art u bil-quċċata tiegħu fis-sema u bl-anġli telgħin u niżlin miegħu li ra f’ħolma Ġakobb (ara Ġen 28, 10-22). F’din il-ħolma, Alla ġedded il-fedeltà tiegħu lejn il-wegħda li kien għamel ma’ Abraham … wegħda li tilħaq il-milja tagħha f’Ġesù Kristu. Ġakobb fehem li dak kien post qaddis. Għalhekk ħa l-ġebla li kien uża bħala mħadda, waqqafha bħala plier u ferra’ ż-żejt fuqha. U dak il-post li semmieh Betel, dar Alla.
Fil-mixi tiegħek se tiltaqa’ ma’ ħafna affarijiet li jistgħu jidhru sempliċi dekorazzjonijiet jew oġġetti artistiċi, imma li jservu ta’ tieqa li tiftaħ għal dak li hu lil hinn u jmissu x-xenqa fundamentali tal-bniedem għall-għaqda mat-traxxendentali, għall-għaqda ma’ dak li jmur lil hinn mix-xefaq limitat tal-eżistenza tagħna. Dan ma jgħoddx biss għall-imsemmija slaleb imma wkoll għal xi veduta li tħallik bla nifs bil-ġmiel tagħha, jew xi fjura delikata, jew kwalunkwe ħlejqa oħra li minnha nnifisha tipponta lejn ħallieq. Kultant tkun anke sempliċiment formazzjoni ġeoloġika partikolari, xi kappella tal-kampanja, jew kwalunkwe struttura oħra li tqanqal mhux biss il-kurżità u l-għoġba tagħna, imma wkoll iħarrku l-korda li tkompli f’melodija fil-qalb tagħna.
Mumenti bħal dawn huma hekk intimi li tkun tixtieq li ma jispiċċaw qatt, kważi kważi jnessuk anke li qed tagħmel l-pellegrinaġġ. Imma dawn huma mumenti qosra li proprju jagħtu sens u jsibu s-sens tagħhom fil-mixja sħiħa. Għalhekk, tinħeliex tieħu s-selfies ma’ dak li saħħrek għax mhuwiex importanti li turi lid-dinja kollha li kont f’dak il-post jew rajt it-tali xena. Però jaf ma tkunx idea ħażina li tieqaf għal ftit u tinħataf mill-ġmiel mingħajr ma tagħmel xejn, ħlief forsi tieħu ritratt ta’ malajr sabiex tgħożż il-memorja, l-emozzjoni li ħassejt, dak li tqanqal jew tħarrek ġo qalbek, hekk li meta tara r-ritratt tiftakar u terġa’ ġġarrab il-ħlewwa ta’ dik il-laqgħa fil-qalba ta’ ruħek, mument li diffiċli jitfisser bil-kliem, jekk mhux bil-vrus ta’ poeżija …
Innu lis-Salib Imqaddes: Is-Sinjal tas-Sultan
Is-sinjal tas-sultan riesaq lejna,
jiddi f’dawl misterjuż is-salib:
fuqu jitla’ l-Ħallieq, biex lill-bniedem
jerġa’ jilqgħu bħal qabel b’ħabib.Daqqa sħiħa ta’ lanza fuq ġenbu
tiftaħ ġerħa fil-ġisem għażiż:
biex bid-demm u l-ftit ilma li joħroġ
niksbu ndafa ta’ poplu qaddis.Siġra sbejħa, li stħaqqlek tiżżejjen
bl-ilbies aħmar ta’ demm is-sultan,
inti biss kont magħżula biex fuqek
tilqa’ l-ġisem qaddis tas-Setgħan.Hienja int! Ma’ dirgħajk kien imdendel
prezz il-fidwa mill-jasar tad-dnub:
ħaddant miegħek il-ġisem ta’ Kristu,
ħtaft il-priża lill-għadu megħlub.Sliem għalik, altar għani tal-Vittma,
li t-tbatija żejnitek bir-rebħ:
fuqek mietet il-ħajja biex tagħti
lilna l-ħajja w timliena bis-sebħ.Sliem għalik, o salib, tama tagħna!
Taħtek nersqu bit-talb f’dan iż-żmien:
kun għat-tajjeb il-għajn ta’ kull grazzja,
kun għall-ħati ta’ maħfra w ħelsien.Trinità li salvajtna, kull ħlejqa
Vexilla Regis
ħajr u barka quddiemek iġġib:
ieqaf dejjem b’għajnuna ħanina
ma’ kull min issalvah bis-salib. Ammen.