
Il-Ħorġa tal-Pellegrin: It-Triq Lura …
Is-santwarji u l-imkejjen ta’ qima u devozzjoni huma kemm id-destinazzjoni tal-pellegrinaġġ u kif ukoll il-post fejn il-konfini bejn is-sema u l-art jisparixxu u s-sema tinżel fl-art biex l-art titla’ s-sema. Imma, stenn, il-vjaġġ proprju għadu se jibda! Kif qal Sir Winston Churchill f’diskors nhar l-10 ta’ Novembru 1942 wara r-rebħa kruċjali li l-Alleati għamlu fl-Eġittu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija: “Now this is not the end. It is not even the beginning of the end, but it is, perhaps, the end of the beginning”—“Issa dan mhux it-tmiem. Mhux lanqas il-bidu tat-tmiem, iżda huwa, forsi, it-tmiem tal-bidu.”
It-tmiem hu l-bidu. Id-destinazzjoni hi l-punt tat-tluq. Ma’ tmiem il-pellegrinaġġ, tibda t-triq lura għar-ritorn tal-ħajja tas-soltu. Imma ma tistax tmur “lura” l-istess bniedem, l-istess persuna. Inkella tkun għamilt mixja twila, hike, jew passiġġata li fihom ħadt gost u striħajt mentalment, imma ma tkunx għamilt pellegrinaġġ. Id-destinazzjoni tal-pellegrinaġġ issir għalik il-punt tat-tluq ta’ dan l-istess vjaġġ tal-ħajja imma mibdul: Il-perspettiva fuq l-istess ħajja m’għadhiex l-istess għax ġiet miftuħa għal orizzonti ġodda. Jaf ħarġu skeletri midfuna jew ġrajjiet li kont ilek taħbi taħt it-tapit u tul it-triq fl-aħħar waqajt fihom. Għadu jidwi l-eku ta’ kliem li smajt fil-pellegrinaġġ jew ħafna snin ilu u li reġgħu telgħu fil-wiċċ, u la tista’ u lanqas trid tinjorahom. Xammejt fwejjaħ li fil-belt ma xxommhomx, imħallta mar-riħa tal-għaraq tiegħek u ta’ pellegrini sħabek li minn banda tixtieq tnaddaf imnifsejk minnhom u mill-banda l-oħra le għax it-toqol tal-vjaġġ bena relazzjonijiet sbieħ, tassew intimi, li issa donnhom se jisfaxxaw fix-xejn.
Jinstema’ tal-biża’ l-vjaġġ lura. Forsi tkun tixtieq taħrab mill-ħajja li t-tmiem se jreġġgħek lura lejha. Forsi wkoll ikun jaqbel jekk tibdel ħajtek għal kollox. Forsi tixtieq tibqa’ fis-santwarju għal dejjem. U min jaf kemm-il “forsi” oħra titħarrek ġewwa fik. Tinjorahomx, ismagħhom, imma xorta waħda mur lura.
Il-fatt li se tmur lura mqar xi ftit mibdul diġà se jagħmel id-differenza kollha. Mill-vojt tal-bidu wasalt sal-qaddis tal-qaddisin fil-qalba ta’ ruħek u hemmhekk iltqajt mal-Qaddis. U, għax fhimt b’mod eżistenzjali dan kollu, se tmur lura konxju li mhux veru inti waħdek għax fik jgħammar Alla, li fil-qalba tiegħek inti xbieha tiegħu. Din hi l-identità tiegħek li ħarġet mill-ġdid għad-dawl, u li issa se tibda tgħix minnha. It-tgħanniqa miegħu fis-santwarju wara li ħallejtu jżarmak biċċa biċċa issa se ġġorra miegħek, u kull jum ta’ ħajtek se tħallih jgħannqek miegħu u inti wkoll se tgħannqu miegħek—ukoll jekk fil-forma tas-salib … tas-slaleb kollha ta’ qabel—u wiegħed lilek innifsek li xejn u ħadd mhu se jeħodulek għax lanqas hu ma jrid jitilfek! U dan hu li jridu għalik, u huwa possibbli li dan tgħożżu u tgħix minnu għal dejjem!
Rumani 8: Min se jifridna mill-Imħabba ta’ Kristu?
Rumani 8, 28-39
28Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. 29Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; 30lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.
31Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? 32Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? 33Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. 34Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina. 35Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? 36Bħalma hu miktub: “Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.”
37Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. 38Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat, 39la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.