Il-Magħmudija fil-Vġili tal-Għid

L-aħħar pass fir-rit tad-Dħul fil-ħajja Nisranija tal-adulti huwa ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tal-Magħmudija, tal-Griżma tal-Isqof u tal-Ewkaristija, f’dik l-ordni. Normalment, dawn is-sagramenti jiġu ċċelebrati fil-Vġili tal-Għid fejn, preferibbilment, jippresiedi l-isqof innifsu bħala ċelebrant, għall-inqas għall-inizjazzjoni ta’ dawk li għandhom erbatax-il sena jew aktar. Dan rajnieh iseħħ is-Sibt li għadda fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

 “Iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija għandha bħala ċ-ċentru u l-qofol tagħha l-ħasil tal-Magħmudija u l-invokazzjoni tat-Trinità Qaddisa.” Is-sagrament tal-Magħmudija jingħata wara numru ta’ riti li għandhom relazzjoni intrinsika mal-ħasil tal-magħmudija. L-ewwel hemm il-barka tal-ilma, (li tirrappreżenta l-ħolqien ta’ Alla), segwita miċ-ċaħda tad-dnub u l-istqarrija tal-fidi mill-magħżulin. F’dan il-waqt, “il-magħżulin jesprimu l-intenzjoni, li waslet sal-maturità matul il-perjodi preċedenti ta’ inizjazzjoni, li jidħlu f’patt ġdid ma’ Kristu.” Dan jiġi segwit mis-sagrament tal-magħmudija. Wara l-magħmudija tagħhom, il-membri l-ġodda tal-Knisja  jiġu mlibbsa l-libsa bajda, li tirrappreżenta d-dinjità li issa rċevew. Il-preżentazzjoni ta’ xemgħa mixgħula tirrifletti l-identità ġdida tagħhom bħala l-ulied id-dawl.

Il-​magħżulin li għadhom kemm tgħammdu jissejħu “neofiti.” Wara l-magħmudija, in-neofiti jirċievu wkoll is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. L-għaqda taż-żewġ sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof tfisser “l-għaqda tal-misteru tal-Għid, ir-rabta mill-qrib bejn il-missjoni tal-Iben u l-għoti tal-Ispirtu s-Santu, u r-rabta bejn iż-żewġ sagramenti li permezz tagħhom l-Iben u l-Ispirtu s-Santu  jiġu mal-Missier għal dawk li huma mgħammdin.”

In-neofiti li jkunu għadhom kif ġew ikkonfermati huma mistiedna biex jissieħbu fl-Ewkaristija. Dan huwa l-qofol tal-inizjazzjoni Nisranija tagħhom. Huma għandhom rwol attiv fi ħdan il-komunità  li jista’ jidher immedjatament waqt l-interċessjoni ġenerali u meta jġibu l-offerti tagħhom fuq l-altar. Waqt it-Tqarbin, in-neofiti jirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Kristu li huwa l-ikel u x-xorb  tagħhom. In-neofiti jesperjenzaw ukoll, għall-ewwel darba, togħma minn qabel tal-ikla tal-ħajja ta’ dejjem.

Ieqaf u Itlob

O Mulej, nitolbok bierek lil dawk li rċevew s-sagrament tal-Magħmudija, li permezz tiegħu saru membri tal-Knisja tiegħek. Saħħaħhom b’ġisimek u b’demmek, u ssostnihom fil-fidi tagħhom.

O Mulej, waqt li nakkumpanja lil dawn l-imgħammdin ġodda fit-talb f’din l-avventura l-ġdida tagħhom, għinni niftakar li r-relazzjoni tiegħi miegħek hija avventura kontinwa u dinamika. Għinni nafferma l-fidi tiegħi u nitlob għall-grazzja tiegħek sabiex issostnini fil-fidi tiegħi. Nista’ biss inħares b’ammirazzjoni lejn dawn l-imgħammdin ġodda u, fl-istess ħin, inħares ’il ġewwa lejn il-ħajja spiritwali tiegħi. Għax hekk hi s-sbuħija tal-komunità: dawk li għadhom kif tgħammdu jsaħħu l-kumplament tal-komunità, filwaqt li l-komunità ssostni lin-neofiti.