Il-Pellegrinaġġ Nisrani

Meta Ġesù jkeċċi ’l barra mit-tempju lil dawk li kien moħħhom iktar fil-profitti milli f’li jgħinu lil dawk li marru hemm biex iqimu lil Alla, il-Lhud riedu spjegazzjoni għaliex ġab ruħu b’dan il-mod. Pront pront, Ġesù jweġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.” Minkejja li dak il-ħin ma nftehimx, meta “qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù” (Ġw 2, 18-22).

Huwa għalhekk li, b’differenza mill-poplu Lhudi u anki minn reliġjonijiet oħra, in-Nisrani ma għandu l-ebda obbligu li jagħmel xi pellegrinaġġ speċifiku. Dan għaliex Kristu nnifsu sar għalina t-Tempju Ħaj ta’ Alla, u fil-persuna tiegħu twettaq il-pellegrinaġġ definittiv tal-bniedem, meta ġie fostna u, meta “waslet is-siegħa tiegħu” u “għadda minn din id-dinja għal għand il-Missier” (ara Ġw 13, 1), il-ħajja tal-bniedem mill-ġdid setgħet issir pellegrinaġġ lejn Alla li hu kollu ħniena. Huwa għalhekk li, quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja, il-bniedem jista’ jibqa’ għaddej u ma jaqtax qalbu għax Kristu ma telax is-Sema “biex jitbiegħed miċ-ċokon tagħna iżda biex aħna, il-membri tiegħu, inqawwu qalbna li aħna wkoll għad immorru warajh fejn mar qabilna hu, ir-Ras u l-bidu tagħna” (L-Ewwel Prefazju ta’ Lapsi). Mhux ta’ b’xejn li, fit-Tielet Talba Ewkaristika, nitolbu lill-Missier u ngħidulu: “Wettaq fil-fidi u fl-imħabba l-Knisja tiegħek tul il-mixja (pellegrinaġġ) tagħha fid-dinja.” Il-Knisja hija l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, u permezz tal-Magħmudija aħna sirna membri ta’ dan il-Ġisem.

L-għarfien li “aħna pajjiżna fis-sema” (Fil 3, 20) jagħti dimensjoni ġdida lill-prattika sabiħa tal-pellegrinaġġ hekk li hija preżenti wkoll fl-istampa tal-istorja Nisranija, mhux iżjed bħala sempliċi obbligu reliġjuż imma biex niftakru f’dan kollu u fl-istess ħin biex infittxu tweġiba għall-mistoqsija profonda dwar ħajjitna, dwar fejn sejrin u fejn irridu naslu, x’inhu l-iskop tal-ħajja tagħna.

Għalkemm fl-ewwel tliet sekli tal-Knisja ma kienx hemm il-kunċett formali tal-pellegrinaġġ, madankollu l-Knisja dejjem rat fih valur simboliku, esperjenza li tgħin fil-bini tal-ħajja spiritwali. L-ewwel pellegrinaġġi li niltaqgħu magħhom fl-ewwel sekli tal-Knisja kienu dawk lejn l-oqbra tal-martri. In-Nisrani kien imur fuq l-oqbra tal-martri li taw xhieda ħajja tal-fidi fi Kristu, sabiex jitlobhom jgħinuh fil-mixja tiegħu lejn is-Sema.

Il-pellegrinaġġ Nisrani ħa forma ġdida fir-raba’ seklu, meta l-Imperatur Ruman Kostantinu ta l-libertà reliġjuża lill-Insara fis-sena 313. Kien f’dan iż-żmien li bdew jinkixfu l-postijiet qaddisa marbutin mal-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, ġew misjuba xi relikwi tal-Passjoni ta’ Kristu, u nbnew l-ewwel bażiliċi biex jilqgħu l-pellegrini. Issa n-Nisrani beda jagħmel il-pellegrinaġġi tiegħu wkoll lejn l-Art Imqaddsa, biex hemm jagħti qima lill-postijiet għeżież marbuta mal-ħajja ta’ Kristu. Fl-Intinerarium Egeriæ, djarju tar-raba’ seklu miktub minn Eġerja, din il-pellegrina tirrakkonta dak kollu li rat fl-Art Imqaddsa u ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li kienu jsiru.

Kitba ta’ Dun Gerard Buhagiar