Il-Pellegrinaġġ Nisrani: mill-Medju Evu sal-Lum

Fil-Medju Evu nistgħu ngħidu li l-prattika tal-pellegrinaġġ kienet fl-aqwa tagħha. Maż-żmien nibtu diversi postijiet li lejhom in-Nisrani beda jagħmel il-pellegrinaġġi. Fost dawn insemmu l-pellegrinaġġi lejn Ruma, fuq l-oqbra tal-Appostli Pietru u Pawlu, u lejn il-Knisja ta’ Santa Croce in Gerusalemme fejn hemm diversi relikwi marbuta mal-Passjoni tal-Mulej Ġesù. Pellegrinaġġi oħra l-aktar famużi huma dawk lejn Santiago de Compostela, Lourdes, Fatima, Częstochowa, Guadalupe, u oħrajn. F’pajjiżna, fost il-pellegrinaġġi l-aktar komuni ta’ min isemmi dawk lejn il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, l-Oratorju tal-Passjoni fejn hu meqjum ir-Redentur tal-Isla, is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, u s-Santwarju Ta’ Pinu fl-Għarb.

Tul dawn is-sekli kollha l-forma tal-pellegrinaġġi nbidlet. Biss biss illum ħafna pellegrinaġġi jsiru bil-mezzi tat-trasport disponibbli, skont id-destinazzjoni tal-pellegrinaġġ. Madankollu, xorta waħda jeħtieġ li tibqa’ hemm it-tifsira spiritwali tal-pellegrinaġġ. Sew jekk bil-mixi u sew jekk bl-ajru, il-pellegrin jagħraf li b’mod iktar wiesa’ huwa bniedem fi vjaġġ (homo viator).

Bħal kull bniedem ieħor, in-Nisrani jrid ta’ kuljum jitħabat biex jagħmel il-vjaġġ iebes mid-dubji tal-fidi għax-xewqa li jara lil Alla; mill-ħin li jgħaddi għax-xenqa għall-ħajja eterna; mill-għeja tal-mixja u għax-xewqa għall-mistrieħ; mit-tbatija f’dan il-wied tad-dmugħ u għall-paċi u l-ferħ li nsibuhom biss fi Kristu minn issa stess u b’mod sħiħ wara din il-ħajja. F’kelma waħda l-pellegrinaġġ ifakkar li “aħna hawnhekk ma għandniex belt li tibqa’ għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi” (Lhud 13, 14).

Huwa f’din il-perspettiva li jeħtieġ jiġi inkwadrat il-pellegrinaġġ tat-Tama li qegħdin niġu mistiedna li nissieħbu fih matul il-Ġublew tas-sena 2025.

Kitba ta’ Dun Gerard Buhagiar