Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa

Għalkemm it-talba li l-Papa Ljun XIII ħallielna hija indirizzata lil San Mikiel, xorta waħda hija msejsa fuq att ta’ fidi u fiduċja fis-setgħa ta’ Alla. Alla waħdu jista’ jrażżan għal kollox il-qawwiet tal-ħażen, u huwa hu li jagħti s-saħħa u l-kuraġġ lill-ħlejjaq tiegħu biex jissieltu u jibqgħu jissieltu. Għax min jista’ tassew jeħlisna jekk mhux dak li ħalaqna, li fdiena permezz ta’ Ibnu l-Waħdieni, u li jqaddisna u jxerred kotra ta’ barkiet mis-sema permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu?

Din il-fiduċja fis-sovranità assoluta ta’ Alla, minn banda sserraħ lil qalbna għax tagħraf li t-taqbid tagħha mhuwiex għalxejn, u mill-banda l-oħra tfakkarna f’espressjoni li nużaw ta’ spiss, l-aktar meta nsibu ruħna attakkati b’qawwa u insistenza: “fuq Alla m’hemm ħadd!” L-isem stess Mikiel li jfisser “Min hu bħal Alla?” huwa xhieda ta’ din is-setgħa assoluta ta’ Alla li qed iħares lejn din it-taqbida bil-ħarsa kollha tjieba tiegħu imma li fiha mhuwiex jitqabad ma’ xi avversarju divin imma ma’ ħlejqa oħra tiegħu li għażlet li tirribella kontrieh. Dan hu li naraw fit-tieni rakkont tal-ħolqien li nsibu fit-tieni u t-tielet kapitlu tal-Ġenesi, u wkoll f’Salm 104:

Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,

li fih jimraħ ħut bla għadd;

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu,

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.

Salm 104, 25-26

Din għandha wkoll implikazzjonijiet mill-iktar prattiċi u konkreti fuq il-ħajja tagħna, kif fisser l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna waqt omelija nhar id-29 ta’ Settembru 2016 fil-Knisja tal-Patrijiet Kapuċċini, il-Furjana:

Għalkemm Mikiel ifakkarna fil-primat ta’ Alla, li Alla għandu jieħu l-ewwel post fl-għażliet tagħna, ifakkarna wkoll li għall-imħabba u għall-ħniena m’hemmx aqwa minn Alla. Aħna bil-Malti ngħidu: ‘Alla fuq kulħadd’. Fuq kulħadd! Imma Alla fuq kulħadd ‘bħax-xemx tiżreġ’ jgħid il-Mulej, “li r-raġġi tagħha titfagħhom fuq kulħadd” … Nitolbu lill anġlu Mikiel biex ifakkarna fuq il-primat tal-ħniena tal-Mulej.