Is-Sejħa Universali għall-Qdusija
Fil-qalba tal-ħames kapitlu ta’ Lumen Gentium insibu t-tagħlim tal-Knisja li is-sejħa għall-qdusija mhijiex limitata biss għal stat wieħed partikolari ta’ ħajja, imma hi tassew universali hekk li tħaddan lill-imgħammdin kollha:
Aħna nemmnu li l-Knisja, li l-Konċilju mqaddes qiegħed ifisser il-misteru tagħha, hija qaddisa bla ma tista’ qatt tonqos. Infatti Kristu, l-Iben ta’ Alla, li hu mħabbar flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu bħala “l-waħdu qaddis,” ħabb il-Knisja bħala l-għarusa tiegħu, ta lilu nnifsu għaliha biex iqaddisha (ara Ef 5, 25-26), għaqqadha miegħu bħal ġismu u mlieha bid-don tal-Ispirtu s-Santu għall-glorja ta’ Alla.
Lumen Gentium,par. 39
Għalhekk, kif jisħaq l-Appostli, kulħadd hu msejjaħ għall-qdusija: “Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom (1 Tess 4:3; ara Ef 1:4). Ma’ dan, tajjeb ninnutaw ukoll din il-qdusija tal-Knisja hi kontinwament murija, u jeħtieġ li tiġi murija, fil-frott tal-grazzja li l-Ispirtu jipproduċi f’dawk li jemmnu. Din il-qdusija tidher b’ħafna modi f’individwi li, skont il-mixja rispettiva tal-ħajja tagħhom, jimxu lejn il-perfezzjoni tal-imħabba, u hekk jibnu lill-oħrajn. Fl-aħħar mill-aħħar, il-qdusija tikkonsisti fil-perfezzjoni ta’ dik it-tip ta’ mħabba imsejħa karità jew agape.
Huwa u jirrifletti fuq dan, il-Predikatur tal-Papa, Patri Raniero Cantalamessa, jgħid il-kliem li ġej li nemmen li lkoll għandna naħsbu dwaru: “L-ewwel ħaġa li meħtieġ li ssir, meta nitkellmu dwar il-qdusija, hija li neħilsu din il-kelma mill-ansjetà u l-biża’ li tikkawża minħabba ċerti ideat żbaljati li għandna tagħha.” Ta’ spiss jiġġrilna li nassoċjaw il-qdusija ma’ xi ħaġa ta’ sforz wisq kbir—kważi impossibbli li tintlaħaq minn individwi komuni. Tassew, il-qdusija tista’ timplika fenomeni u provi straordinarji, imma, kif jinsisti Cantalamessa, “ma tistax tiġi identifikati ma’ dawn l-affarijiet.” Hu jisħaq li, “jekk kulħadd hu msejjaħ għall-qdusija, mifhuma b’mod tajjeb, kulħadd jista’ jilħaqha u tagħmel parti min-normalità tal-ħajja Nisranija.” F’ċertu sens, il-qdusija hija stat straordinarju ta’ eżistenza li jista’ jintlaħaq bl-ordinarjetà tagħna.
F’dan kollu, tajjeb li niftakru li l-Insara kollha huma msejħin minn Alla, mhux minħabba l-ħidmiet tagħhom(jiġifieri ma nsirux qaddisin primarjament minħabba l-azzjonijiet li nagħmlu), imma skont il-pjan u l-grazzja ta’ Alla. Huwa Alla li l-ewwel jagħti lilna l-ħila li nikkollaboraw mal-grazzja u nwettqu r-rieda tiegħu. U tassew, għax aħna niġu magħmulin ġusti f’Ġesù fil-magħmudija, li permezz tagħha nsiru wlied Alla u nissieħbu fin-natura divina tiegħu (2 Pt 1, 4). B’hekk, il-Mulej Ġesù, l-Imgħallem divin, bħala l-awtur u l-milja ta’ din il-ħajja ta’ qdusija, jibqa’ l-mudell ta’ kull perfezzjoni: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 48).
Xi ħaġa oħra li sabiħ naraw—u din Lumen Gentium jisħaq ħafna fuqha—hija r-rabta li hemm bejn li nikbru fil-qdusija u li niffjorixxu u nkunu ferħanin. Il-filosfu Grieg Aristotli, sekli qabel, afferma li l-ferħ tal-bniedem jinsab fil-‘kontemplazzjoni’ ta’ Alla. Lumen Gentium jelabora iktar dwar dan u jurina li l-ferħ jilħaq il-milja tiegħu fl-għaqda tagħna ma’ Kristu u fl-irwol tagħna bħala wlied adottivi ta’ Alla. F’dan id-dawl, il-Knisja tidher bħala mezz li bih niksbu l-ferħ fil-milja tiegħu, u dan għaliex huwa permezz tal-Knisja u s-Sagramenti tagħha li x-xbieha ta’ Alla fina (jiġifieri il-potenzjal tagħna li nħobbu u nagħrfu) tilħaq il-milja! U hemm diversi toroq u vokazzjonijiet sabiex din il-qdusija tintlaħaq. Il-ħajja bħala ġuvni jew xebba, il-ħajja reliġjuża, il-ħajja miżżewġa, il-ħajja kkonsagrata, u s-saċerdozju, kollha huma toroq li jwassluna għal dan l-għan:
Għalkemm id-dmirijiet huma differenti u differenti wkoll huma l-modi kif wieħed jista’ jgħix il-ħajja, imma waħda hija l-qdusija—dik li jfittxu dawk kollha li huma mmexxijin mill-Ispirtu ta’ Alla; dawn, waqt li jobdu għal-leħen tal-Missier u jaduraw ’l Alla l-Missier fl-ispirtu u l-verità, jimxu wara Kristu fqir, umli u mgħobbi bis-salib biex ikun jistħoqqilhom li jissieħbu miegħu fil-glorja. Madankollu kull wieħed, skont id-dmirijiet li għandu u d-doni li rċieva, għandu jimxi ’l quddiem mingħajr ma jeżita fit-triq tal-fidi ħajja li tixgħel it-tama u taħdem permezz tal-imħabba.
Lumen Gentium,par. 41
Imma f’dan kollu, jeħtieġ li nżommu f’moħħna li l-qdusija ma tistax tinkiseb biss minn dawk li l-Knisja tiddikjara bħala qaddisin. Cantalamessa jfakkarna li:
Il-qaddisin huma bħall-fjuri: m’hemmx biss dawk li jitpoġġew fuq l-altari. Kemm minnhom jiftħu u jmutu moħbija, wara li fewħu fis-skiet l-arja ta’ madwarhom! Kemm hemm minn dawn il-fjuri moħbija li fetħu u kontinwament jinfetħu fil-Knisja!
Raniero Cantalamessa, Is-Sejħa Universali għall-Qdusija, It-Tieni Omelija għall-Avvent (Diċembru 11, 2015)