Is-Sena 2024: Sena ddedikata għat-Talb

Fl-ittra li bagħat lil Mons. Rino Fisichella, il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida sabiex jafdalu f’idejh it-tħejjija għall-Ġublew tas-sena 2025, il-Papa Franġisku esprima x-xewqa li s-sena ta’ qabel il-Ġublew, jiġifieri s-sena 2024 li għadna kemm bdejna, tkun iddedikata għal “sinfonija” kbira ta’ talb.

B’dan il-ħsieb, il-Papa fisser li, l-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ li niskopru mill-ġdid xi jfisser “li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh.” Ma’ dan ikompli jżid aspetti differenti u forom varji tat-talb li jeħtieġ li nirkupraw sabiex din is-sena tkun:

sena intensa ta’ talb, fejn il-qlub jinfetħu biex jilqgħu l-kotra tal-grazzja, u nagħmlu mill-“Missierna,” it-talba li Ġesù għallimna, il-programm tal-ħajja ta’ kull dixxiplu tiegħu.

Franġisku, Ittra lil Mons. Rino Fisichella President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida għall-Ġublew 2025, 11 ta’ Frar 2022

Għaldaqstant, f’din is-sezzjoni tas-sit beHOLD.mt Oħroġ u Itlob kull ġimgħa se nkunu qegħdin nesploraw aspetti differenti tal-ħajja tat-talb sabiex tassew ikollna “l-ħajja bil-kotra” li wegħidna Ġesù (ara Ġw 10, 10). U dan se nagħmluh proprju f’din it-taqsima għax se nittrattaw l-iktar il-ħajja tat-talb fil-ħajja konkreta wara li fi tmiem il-quddiesa niġu mibgħuta ’l barra bil-kliem “Morru fil-paċi ta’ Kristu” sabiex noħorġu fid-dinja u hemm ngħixu dak li rċevejna. Se nesploraw il-ħtieġa tat-talb, l-ostakli li nsibu u x’inhu dak li jista’ jgħin. Se nippruvaw nifhmu ftit iktar x’inhu t-talb u l-isfidi li l-għażla ta’ ħajja Nisranija bis-serjetà ġġib magħha, filwaqt li nħallu lill-Mulej imexxina lil hinn sabiex fit-talb u l-qadi naslu għall-għotja totali tagħna nfusna lilu.