It-Talb u l-Vokazzjoni tan-Nisrani

L-esperjenza trasformattiva tat-talb isseħħ meta, minn kemm inti tħobb lil Ġesù, bil-grazzja tiegħu tgħaddi għal kemm tagħrfek maħbub. U għax fit-talb tasal li tagħrfek maħbub, tkun trid li taqsam dik l-imħabba. Tant tkun kbira l-imħabba li ma tkunx tista’ żżommha għalik biss.

U hawn tidħol il-vokazzjoni tan-Nisrani għax proprju hekk tfisser il-kelma “vokazzjoni”: “vocare” u “actio,” sejħa għal azzjoni. Il-vokazzjoni tan-Nisrani tista’ tingħex f’modi ta’ ħajja differenti, f’sitwazzjoni differenti, f’impenji differenti fis-soċjetà u fil-Knisja. Imma l-għan aħħari jkun l-istess wieħed: dak kollu li tagħmel, tagħmlu bħala tweġiba ta’ mħabba għall-imħabba ta’ Alla.

Tinstema’ sabiħa ħafna, bħal dawk l-istejjer li jispiċċaw: “u għexu ferħanin u kuntenti għal dejjem.” Imma fil-verità mhijiex daqshekk faċli għax biex tagħmel l-għażla tad-direzzjoni tal-ħajja tiegħek trid l-ewwel titħabat mal-mistoqsija ta’ kif, flok iddawwar fehmet Alla biex iseħħ dak li tixtieq int, inti tinfetaħ biex tagħraf x’inhi r-rieda tiegħu għalik; kif se tkun mezz biex isir fl-art bħalma jsir fis-sema, ċioè kif is-Saltna tas-Smewwiet se tkompli tinbena fl-art.