It-Talba ta’ Ġesù

Qabel ma nduru lejn diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom fil-ħajja tat-talb, nagħlqu ċ-ċiklu dwar modi varji ta’ talb dwar metodu ta’ talb li żviluppa fil-Knejjes tal-Lvant ispirat mir-rakkont ta’ Bartimew l-għama:

Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.” Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.” Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni,” wieġbu l-agħma. “Mur,” qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Mark 10, 46-52

Dan l-għama anonimu—lanqas isem proprju tiegħu ma kellu għax Bartimew tfisser sempliċiment “bin Timew”—jurina li t-talb jeħlisna mill-għeluq fina nfusna u jiftaħna għall-ieħor sabiex ma nibqgħux maqfulin bejn l-erba’ ħitan ta’ moħħna ffullat b’ħafna ilħna veri jew mistħajla li jkissruna, li jbaxxuna, li jaqtgħulna qalbna, li jgħidulna li m’aħniex tajbin biżżejjed u li m’aħniex ta’ min iħobbna. It-talb jiftaħna għal-laqgħa mal-Ieħor li għandu l-qawwa jagħtina d-dawl u jiftħilna għajnejn ruħna biex nagħrfu l-Verità tassew.

Imma biex dan iseħħ, m’hemmx għalfejn talb elaborat u b’ħafna kliem imma biss ftuħ espress fil-karba tal-għama. Din il-karba tal-għama wasslet biex fl-ispiritwalità tal-Lvant tinħoloq it-tradizzjoni msejħa t-Talba ta’ Ġesù, fejn l-individwu jirrepeti kontinwament it-talba: “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla, ikollok ħniena minni, midneb.” Bir-ripetizzjoni kostanti tagħha skont ir-ritmu tan-nifs ’il ġewwa u ’l barra, din it-talba timmarka wkoll ir-ritmu tal-ħajja, ir-ritmu tat-taħbit tal-qalb, hekk li mill-fomm tinżel fil-qalba tal-qalb tal-bniedem, ferm iktar fil-fond mill-qalb bħala l-“post” tal-emozzjonijiet jew l-affetti imma tasal saħansitra sal-inkonxju, mhux biss sar-ruħ imma sal-ispirtu, mhux biss sal-qalba ta’ dak li jinftiehem imma wkoll ta’ dak li ma jinftehimx hekk li, kif jirrimarka l-Filosfu Russu tas-seklu dsatax Boris Vysheslavtsev, tasal saċ-ċentru assolut tal-persuna.