Metodu ieħor ta’ talb permezz tal-Kelma ta’ Alla li żviluppa fil-Knisja huwa l-Meditazzjoni Injazjana. Din il-forma ta’ meditazzjoni tiffoka iktar fuq l-immaġinazzjoni. Tissejjaħ Injazjana għax kienet proposta minn Sant’Injazju ta’ Loyola li għex fis-seklu sittax u li flimkien ma’ tnejn sħabu kien il-fundatur tas-Soċjetà ta’ Ġesù (il-Ġiżwiti). Fi kliem sempliċi dan il-metodu jinvolvi dawn it-tappi:
Mument qasir ta’ silenzju biex tiġi konxju tal-preżenza ta’ Alla (kif jikteb San Ġorġ Preca, “Inti hawn u jiena fik bħal ħuta fl-ilma safi”).
Qari tat-test bibliku, possibbilment anke iktar minn darba.
Wara li tkun sirt midħla tat-test, fittex li tpitter ix-xena f’moħħok u immaġina l-post, ix-xenarju, il-karattri. Tista’ wkoll tieħu sehem fix-xena billi timmaġinak wieħed mill-personaġġi, u f’dik il-pożizzjoni ara x’qed tara, x’qed ixomm, x’qed tisma’, x’qed tħoss, x’jinbet f’qalbek, dak li qed tgħid u tagħmel u dak li Ġesù qiegħed jgħid lilek u jagħmel fil-konfront tiegħek.
Dan l-eżerċizzju tal-immaġinazzjoni mhuwiex sempliċiment att ta’ kreattività imma jrid iwassal għat-talb, għad-djalogu personali ma’ Ġesù li jnixxi min-narrattiva imma jmur lil hinn u jfur għall-konkret tal-ħajja tiegħek.
Għalaq permezz ta’ talba, pereżempju l-Missierna jew Ruħ ta’ Kristu.
Dawn iż-żewġ metodi ta’ talb permezz tal-Kelma ta’ Alla mhumiex l-uniċi u lanqas huma għan fih in-nifsu. L-għan aħħari jibqa’ dejjem dak tal-laqgħa intima ma’ Kristu.
Ħaġa li tista’ tgħin dan il-proċess hija bla dubju l-qari spiritwali, jiġifieri l-qari ta’ kotba li mhumiex il-Bibbja nnifisha imma li jitkellmu dwar Ġesù u dwar it-talb u l-ħajja nisranija. Hawn niltaqgħu mal-esperjenza ta’ persuni oħrajn, bnedmin bħalna, li jaqsmu magħna l-esperjenza tagħhom tal-ħbiberija ma’ Ġesù. Għalkemm il-qari spiritwali fih innifsu mhuwiex talb, imma bħal dawn il-metodi jgħinna fit-talb sabiex niltaqgħu ma’ Kristu l-veru, dak li terraq fostna bħala Alla magħmul bniedem biex isalvana u li għadu ħaj hekk li jista’ jmissilna qalbna u jdewwaqna mħabbtu.