L-Arloġġ tat-Talb: bil-batterija jaħdem?

Ġaladarba fl-artiklu li għadda ftakarna ftit fit-talb li konna nitgħallmu fil-klassijiet tal-M.U.S.E.U.M., ma nistax ma nsemmix l-Arloġġ ta’ Talb. Xi jkun dan l-Arloġġ tat-talb? Serraħ moħħok li la jaħdem bil-batterija u lanqas bil-ħabel. Forsi bil-polz …

San Ġorġ Preca ried ifassal mod prattiku biex il-membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija li waqqaf hu jkunu jistgħu jitolbu fil-kuntest tal-vokazzjoni tagħhom bħala ħaddiema matul il-jum u katekisti filgħaxija. Għalhekk, Dun Ġorġ għażel jew kiteb talba qasira għal kull kwarta għall-kandidati u s-soċji, u talba għal kull siegħa għall-magħżulin (minn tnax sa sittax-il sena).

L-importanti mhuwiex li jingħadu t-talbiet kollha b’riġidità jew li tieqaf eżatt fil-ħin biex tgħid it-talba li jmiss. L-għan hu li f’ħinijiet differenti tal-ġurnata l-membri jerfgħu l-ħsieb lejn Alla filwaqt li jibqgħu għaddejjin bil-ħidmiet differenti tagħhom—bħalma Kristu xtaq li d-dixxipli tiegħu “għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu” (Lq 18, 1). Forsi għall-bidu jkollok bżonn il-ktieb, imma biż-żmien titgħallimhom bl-amment hekk li litteralment ritmu ta’ talb li jimxi mat-taħbit tal-polz!