L-Arti u t-Talb

L-arti għandha post fit-talb? Żgur li ħafna Nsara jsibu faraġ u għajnuna fix-xbihat qaddisa, bħal xi statwa jew xi kwadru. Għalkemm nafu li mhumiex Alla jew Ġesù, il-Madonna jew il-qaddisin, imma jservu ta’ għajnuna biex insammru l-ħarsa tagħna u niffukaw.

L-arti wkoll, għax ħierġa mill-kreattività li hija fakultà spiritwali, bħan-natura għandha l-qawwa li tinfed sal-qalba ta’ ruħna. U l-arti mhux biss għax inħares lejha jew naqraha jew nismagħha biex ninġabar, imma wkoll nista’ nużaha bħala eżerċizzju ta’ talb għax inkun qed nikkomunika permezz tad-doni tiegħi ma’ dak li tani dawn l-istess doni, sew jekk hija l-kitba, il-mużika, it-tpinġija, u l-bqija. Hawnhekk għandna espressjoni ta’ min aħna fil-qalba tagħna, u hu hemmhekk li niltaqgħu ma’ Alla, fil-qalba tagħna. Kif jgħid Santu Wistin fl-Istqarrijiet tiegħu, Alla huwa iktar ’l ġewwa mill-qalba tagħna—“Tu autem eras interior intimo meo et superior summo meo,” L-Istqarrijiet, 3.6.11 (PL 32.688). Hemmhekk tinsab ukoll l-essenza tal-missjoni tagħna, tal-mod kif Alla ħalaqna biex inkunu fid-dinja. Sta għalina jekk nilqgħux l-isfida jew le.

Anke dan is-sit joffri riflessjonijiet dwar opri ta’ arti li nsibu f’Malta—Itlob bl-Arti—mhux biss biex napprezzaw il-patrimonju li għandna imma wkoll inħallu lil Alla jmiss il-qalb tagħna permezz ta’ dak li liehem f’qalb l-artisti.