Lura biex nibnu l-Knisja tiegħu

Esperjenza oħra li mmarkat il-vjaġġ tal-ħajja ta’ San Franġisk, wara l-laqgħa mal-lebbruż, kienet dik li seħħet fil-Knisja ta’ San Damjan, ’il barra mill-belt ta’ Assisi. Skont ma jirrakkonta Tommaso da Celano—dak li kiteb il-ħajja ta’ San Franġisk—fl-1205, waqt li kien qed idur fil-kampanja madwar Assisi, huwa daħal f’din il-knisja ċkejkna u talab bil-ħerqa u b’insistenza iktar dawl mis-sema dwar x’kienet ir-rieda ta’ Alla għalih, mill-kurċifiss ta’ dil-knisja—magħruf bħala s-Salib ta’ San Damjan—huwa sema’ l-kliem: “Franġisku, mur, u sewwi d-dar tiegħi li, kif qed tara, tinsab f’ħerba sħiħa.”

Għall-bidu, Franġisku fehem dan il-kliem b’mod litterali. Imma kien wara dan l-episodju li ħajtu nqalbet ta’ taħt fuq, u seħħew sensiela ta’ ġrajjiet li wassluh biex jiċħad għal kollox il-ġid ta’ missieru biex seta’ jkun tassew iben tal-Missier tas-sema! Saħansitra, skont ma nsibu fil-Leggenda Maior ta’ San Bonaventura ta’ Bagnoregio, il-Papa Innoċenz III approva l-ordni wara li f’ħolma ra lil dan ir-raħeb iżomm il-Bażilika tal-Lateran milli taqa’.

Fil-film Brother Sun, Sister Moon naraw lil San Franġisk, wara d-deċiżjoni radikali tiegħu, isewwi b’idejh stess il-knisja ċkejkna ta’ San Damjan, fejn jissieħbu miegħu l-ewwel aħwa. Għalkemm mhijiex storikament preċiża, żgur hija xena qawwija li tisraq l-immaġinazzjoni tagħna u tkebbes it-tama tagħna. Nistħajjel li, ma’ kull ġebla ta’ San Damjan li poġġa f’postha, il-fqajjar ta’ Assisi tefa’ wkoll kazzola tajn biex jibni l-ġisem mistiku ta’ Kristu, il-Knisja, bix-xhieda tal-ħajja tiegħu u ta’ ħutu. Imdawwar b’ereżiji u b’kompromessi li kienu qed itertqu l-Knisja minn kull naħa, San Franġisk jagħżel li jibni fuq sisien appostoliċi sodi. Jibni fuq libertà, fraternità, u dinjità ugwali mingħajr revoluzzjonijiet vjolenti. Ma beniex l-knisja pura tiegħu. Ġedded il-Knisja minn ġewwa flok waddbilha l-ġebel minn barra għax kien jaf li hu wkoll kien midneb mifdi u maħbub …

Bħala pellegrini tat-tama lura d-dar, kif se nkomplu nibnu u nirfdu l-Knisja, li minnha niffurmaw parti, fuq l-istil ta’ San Franġisk?