Lura d-dar bil-pjagi wara l-qawmien

Għalkemm fil-vjaġġ tiegħu lejn Ġesù—l-ankra vera tat-tama u t-Tama vera—San Franġisk mhux biss sab il-ħelsien li jkun hu u jgħix dak li Alla ħalqu għalih, kif ġarrab fit-tgħanniqa mal-lebbruż. San Franġisk ġie mgħannaq lura mill-ħniena ta’ Alla u baqa’ jgħix f’din it-tgħanniqa ħajtu kollha. Tgħanniqa li jum wara jum waħħditu iktar ma’ Ġesù li ħa fuqu l-lebbra tagħna u bil-pjagi tiegħu fdiena, tant li fl-aħħar saħansitra anke hu—Franġisku—ġarrab dan f’ġismu b’mod reali meta fuq il-muntanja la Verna rċieva l-pjagi ta’ Kristu.

Fil-laqgħa ma’ Kristu tul il-pellegrinaġġ, il-fejqan li ksibna kien ħelsien tar-ruħ u l-qalb iktar milli amnesija jew dimensja. It-trawmi saru memorji li jiffurmaw b’tama l-preżent u l-ġejjieni. Il-weġgħat u l-esperjenza qarsa saru ħorġa ta’ għerf u kompassjoni. Huma proprju l-pjagi tal-imsallab irxuxtat li Tumas imiss u jemmen tassew, u hekk isir xhud li dan Ġesù hu tassew Alla magħmul bniedem u li sar Sid tagħha permezz tat-tixjin tiegħu sal-mewt tas-salib (ara Fil 2, 6-11).

U dan hu wkoll il-proċess ta’ trasformazzjoni li jrid jgħaddi minnha l-pellegrin tat-tama jekk tassew iltaqa’ mal-Mulej: it-trasformazzjoni tal-ġrieħi tiegħu f’dawk tal-Mulej. Dan ma jfissirx li mhux se nibqgħu nħossu wġigħ, li l-feriti tal-ħajja u l-eżistenza tagħna se jisparixxu. Ifisser li nagħrfu u nilqgħu l-grazzja mingħand Alla li minnhom tnixxi l-għajn tal-grazzja tiegħu: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7, 37-38).