Lura d-dar ma’ San Franġisk

Il-Ġublew intemm, u l-pellegrini tat-tama qabdu triqthom lura lejn id-dar, lejn il-ħajja tas-soltu. Imma huma mhumiex dawk tas-soltu għax l-esperjenza tal-pellegrinaġġ saħħithom fit-tama: fil-fiduċja f’Ġesù, it-Tama bit-T kapitali, it-tama waħdanija tagħna.

It-triq lura mhux dejjem faċli għax terġa’ tfakkrek f’dak li ftit ftit ħallejt warajk matul it-triq u nħlist minnu sabiex tasal iktar ħieles u ħafif fis-santwarju, fid-destinazzjoni tal-pellegrinaġġ. Xi ftit tixbah l-esperjenza tas-suldati li, fi tmiem il-gwerra, iħallu t-trunċieri biex jaqbdu t-triq lura d-dar, liema triq se tgħaddihom mill-postijiet tal-battalji li ġġieldu, il-katavri ta’ dawk li waqgħu fil-kamp tal-battalja, il-postijiet li forsi qerdu huma stess.

Għalkemm se tirritorna lura għall-istess ħajja, imma d-dar qatt ma tasal lura l-istess, u xejn ma jibqa’ l-istess għax kollox tibda tarah mil-lenti tal-esperjenza intima u trasformattiva tal-laqgħa mal-Qaddis li lejh terraqt. Xejn ma jibqa’ l-istess għax f’qalbek iġġorr il-marki ta’ din il-laqgħa u t-taqtigħa sakemm seħħet. Xejn ma jibqa’ l-istess għax, jekk tassew kont pellegrin u pellegrin tat-Tama, inti m’għadekx l-istess li kont imma inti stess sirt sinjal ta’ tama—rifless tat-Tama l-kbira—li tilma anke fl-iktar postijiet mudlama.

Imma, taqtax qalbek, għax f’dan m’intix waħdek. Hekk kif intemmet is-Sena Mqaddsa bl-għeluq tal-bieb imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Ljun XIV ma damx wisq biex ħabbar sena oħra speċjali ddedikata lil San Franġisk fl-okkażjoni tat-800 sena mill-mewt tiegħu nhar it-3 ta’ Ottubru 1226, ftit metri ’l bogħod mill-kappella tal-Porzjunkola li llum tinsab fil-Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli għad-dell tal-belt ta’ Assisi fuq il-Muntanja Subbasio.

Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin, se nħallu lil dan il-qaddis, it-talb tiegħu, u esperjenzi marbutin miegħu, jakkumpanjawna, hekk kif se nkomplu l-vjaġġ tal-ħajja tagħna bħala pellegrini tat-Tama.