Lura ma’ San Franġisk bil-lebbra mħaddna

F’pellegrinaġġ ta’ veru—li mhuwiex sempliċiment ġita turistika—ikollok tagħmel sew il-kontijiet ma’ ħajtek hekk kif miexi lejn id-destinazzjoni tiegħek. Tiskopri wkoll affarijiet dwarek innifsek li forsi ma kontx tafhom u ħasduk … donnok lebbruż li mingħalik inti f’saħħtek imma fil-verità inti mġiddem, marid, midneb. U issa, lura d-dar, trid tagħmel il-kontijiet ma’ din ir-realtà għax issa trid tibda t-terapija li forsi twassal għall-fejqan, jekk hemm …

Faċli taqta’ qalbek, bħalma faċli tibża’ tibda pellegrinaġġ. Hekk ġralu San Franġisk f’żgħożitu. Kif jirrakkonta hu stess fit-testment spiritwali tiegħu (nru 110), meta kien għadu fil-ħajja tad-dnub, kien jiddarras wisq meta jiltaqa’ mal-lebbrużi, li fi żmienu kienu jgħixu maqtugħin mis-soċjetà. Iżda l-Mulej, f’dawn il-laqgħat, wasslu biex iġarrab ħlewwa liema bħala.

Huwa u jistaqsi kontinwament lil Alla x’ried minnu, il-Mulej ippermetta li sseħħ fih bidla radikali. B’mod li jistax jiġi mfisser bil-kliem, jum minnhom iltaqa’ ma’ lebbruż u ħass li kellu jgħannqu u jbusu, u hekk għeleb il-biża’ u ma baqax jitqażżeż iktar. Dan il-ġest tal-imġienen mimli umanità u kompassjoni, iwassal għal bidla radikali li tat bidu għal mixja li qarrbitu iktar lejn Alla, lejn ħutu, u lejh innifsu.

Fil-laqgħa mal-lebbruż, Franġisku sab il-ħelsien li jkun hu u jgħix dak li Alla ħalqu għalih. F’dik it-tgħanniqa, Franġisku l-lebbruż ġie mgħannaq lura mill-ħniena ta’ Alla u kiseb tama ġdida u, b’din it-tama ġdida, hu għannaq l-umanità meta, bil-faqar li għex, fakkar lill-bniedem fl-essenzjali: fit-tgħanniqa feddejja ta’ Kristu permezz tal-inkarnazzjoni, meta ħaddan il-laħam li jmut biex anke laħamna jqum għall-ħajja fl-aħħar jum.

Il-pellegrinaġġ tat-tama jimxi f’din id-direzzjoni ta’ ħelsien u fejqan interjuri, forsi mhux għax neħilsu mill-lebbra tagħna għal kollox imma għax, bħal San Pawl quddiem ix-xewka tiegħu, nagħrfu li biżżejjed il-grazzja ta’ Alla.

Ukoll jekk mixjin lura d-dar mhux imfejqa, il-laqgħa ġenwina ma’ Kristu hi biżżejjed biex inħallu l-grazzja tal-fejqan u l-ħelsien taħdem fina. U, proprju għax nirrikonoxxu l-mard u l-feriti tagħna—fiżiċi, emozzjonali, spiritwali, u l-bqija—li mbagħad nistgħu nagħdru u nħaddnu bid-duwa tat-tama lil kull min hu miġruħ u mġiddem bħalna.