Għalkemm, kif rajna fl-aħħar artiklu, il-ħajja tat-talb mhijiex xi ħaġa perfetta imma hemm proċess ta’ maturità li jseħħ fl-għarfien ikbar ta’ min aħna quddiem Alla—midinbin maħbuba—fl-istess ħin, kultant niġu f’punt fejn qisna neħlu fil-ħajja u ma nistgħux nimxu ’l quddiem. U għalhekk tajjeb ukoll ngħarblu ftit lilna nfusna għax jista’ jkun li hemm xi affarijiet li qegħdin iwaħħluna fejn aħna—id-dnub, xi vizzju, rabtiet mhux f’posthom—u li xħin ninħelsu minnhom niċċaqalqu. Jista’ jkun li diġà konxji ta’ x’qed iżommna milli nersqu iktar qrib ta’ Alla u qegħdin nitolbu biex ninħelsu imma nibqgħu nagħżqu fl-ilma. Fil-verità, dan ma jfissirx li verament m’aħniex mexjin ’il quddiem. Jista’ jkun imma li għadna rridu nintelqu iktar u nafdaw lill-Mulej iktar.
F’dawn il-mumenti dak li jżommna huwa l-fedeltà fl-impenn, jiġifieri l-għażla tar-rieda anke meta s-sensazzjoni hija preċiż bil-kontra. F’dawn il-mumenti tidher ukoll ir-raġuni vera tat-talb, jekk hux għax inħossni tajjeb jew għax f’qalbi hemm imħabba ġenwina għal Alla. Ma ninsewx li t-talb ma jitkejjilx minn kemm ikunu qawwija l-emozzjonijiet jew mill-ideat sbieħ li jinbtu jew minn kemm kollox hu ward u żahar, imma mix-xewqa ġenwina għal Alla u minn kemm din il-laqgħa ma’ Ġesù qed tħalli marka fuq il-ħajja tagħna.