Mgħaddsin fiż-Żmien: Knisja li tgħix fl-Istennija
Għaldaqstant, x’inhu ż-żmien? … Jekk ħadd ma jistaqsini, naf x’inhu; imma jekk nixtieq nispjega lil min jistaqsini, ma nafx inwieġeb.
Santu Wistin, L-Istqarrijiet 11.14.17
Dan il-kliem kitbu Santu Wistin fil-ħdax-il ktieb tal-Istqarrijiet tiegħu. Hawnhekk mhux se nippruvaw nesploraw in-natura taż-żmien, kif għamel Santu Wistin. Ċertament, tkun biċċa xogħol li teħdilna ħafna ħin! Imma r-raġuni għalfejn qed nirreferi għal din l-istqarrija tant għaqlija ta’ Wistin hija għax tipponta lejn xi ħaġa ta’ valur. U dan għaliex jirnexxilha taqbad ir-realtà tal-istat temporali li fih, bħala bnedmin, ninsabu mgħaddsa. Interessanti wkoll ninnutaw li dan l-istat ‘temporali’ huwa xi ħaġa li, f’ċertu sens, anke l-Knisja għandha sehem fih.
Il-Knisja hija temporali? Biex twieġeb għal dan, Lumen Gentium tafferma li:
Il-Knisja, li għaliha aħna lkoll imsejħin fi Kristu Ġesù u li fiha, permezz tal-grazzja ta’ Alla, niksbu l-qdusija, ma tasalx fil-milja tagħha jekk mhux fil-glorja tas-sema meta jasal iż-żmien tar-restawrazzjoni ta’ kollox (Atti 3, 21) li fih, flimkien mal-ġens uman, id-dinja kollha, li hi marbuta sfiq mal-bniedem u bih tasal għall-iskop tagħha, tiġġedded hi wkoll għalkollox fi Kristu (ara Ef 1,10; Kol 1,20; 2 Pt 3,10-13).
Lumen Gentium, par. 48
Frażijiet bħal “niksbu” u “milja” jfissru attività ġejjiena. U, fil-lingwi Latini, jintuża t-temp futur. F’dar-rigward, il-Knisja tidher li għadha trid tesperjenza t-tjubija sħiħa u l-perfezzjoni tagħha. Dan jimplika evoluzzjoni: jinplika l-karattru ‘eskatoloġiku’ tal-Knisja. Il-kelma ‘eskatoloġiku’ teoloġikament tfisser ‘dak li għandu x’jaqsam mal-aħħar taż-żminijiet’. Fi kliem sempliċi, għalhekk, il-Knisja—li hi aħna—qed tevolvi fid-direzzjoni ta’ xi ħaġa, ta’ xi ħadd. Il-Knisja tinsab miexja lejn għaqda sħiħa u kompluta mar-ras tagħha, li hu Kristu nnifsu.
Issa dan ma jfissirx li l-Knisja m’għandhiex diġà qdusija intrinsika. B’mod mill-iktar sabiħ u preċiż, Lumen Gentium jirrimarka kif, fil-Knisja, insibu flimkien iż-żewġ realtajiet tal-qdusija u tad-dnub. Il-Knisja hija qaddisa meta taġixxi bħala mezz sabiex permezz tiegħu Kristu jitkellem—permezz tas-sagramenti u tar-rivelazzjoni—imma, fl-istess waqt, il-Knisja hija aħna, u, ta’ spiss, aħna altru li m’aħniex qaddisin u perfetti. Imma l-għan tal-Knisja hu proprju li tqaddisna—u hawn fejn tidħol l-importanza tal-komunjoni: għax ilkoll għandna sehem fil-ħajjiet ta’ xulxin sabiex noħorġu fid-deher il-virtù u l-qdusija f’xulxin. Kif insibu f’Lumen Gentium:
Mela aħna diġà qegħdin fl-aħħar żminijiet (ara 1 Kor 10,11), it-tiġdid tad-dinja diġà huwa deċiż u d-deċiżjoni ma titteħidx lura; dan it-tiġdid b’xi mod diġà qiegħed realment jinħass sa minn issa: għax il-Knisja, sa minn din id-dinja stess, hi mogħnija bi qdusija tassew, imqar jekk din il-qdusija għadha imperfetta. Madankollu, sa ma jiġu smewwiet ġodda u dinja ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja (ara 2 Pt 3,13), il-Knisja, hi u miexja fuq din l-art, fis-sagramenti u fl-istituzzjonijiet tagħha magħmula għad-dinja ta’ issa, tidher liebsa x-xbieha ta’ dan iż-żmien li jgħaddi, anzi hi nnifisha tgħix mal-ħlejjaq li għadhom sa issa jokorbu u jwelldu, huma u jistennew id-dehra ta’ wlied Alla (ara Rum 8,19-22).
Lumen Gentium, par. 48
Dan kollu jgħabbina b’responsabbiltà. Fit-tnehid u t-taħbit tagħna, fil-waqgħat u d-dnub taħgna, aħna mistiedna li nħallu dejjem lill-grazzja ta’ Alla li tfejjaq tippenetra l-ħajjiet tagħna. Aħna dejjem imsejħin nilqgħu b’umiltà l-maħfra u nħabirku sabiex mill-ġdid nikbru fl-imħabba. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna lkoll imsejħin b’ħeġġa sabiex “nitgħallmu x’tifsira għandha għalina l-ħajja tagħna ta’ din l-art, u kollna tama fil-ġid li għad irid jiġi naqdu sal-aħħar il-missjoni li l-Missier tana fuq din l-art u naħdmu għas-salvazzjoni tagħna (ara Fil 2, 12)” (Lumen Gentium, par. 48).